Lokali

Il-BOV bi twissija dwar telefonati qarrieqa

Il-Bank of Valletta qed joħroġ twissija sabiex iħeġġeġ lill-klijenti jkunu konxji dwar telefonati malizzjużi li qed isiru minn persuni mhux awtorizzati li qed jgħidu li huma impjegati tal-Bank. Dawn it-telefonati qed jidhru li oriġinaw mill-BOV peress li n-numru li qed jidher huwa n-numru tal-BOV Customer Service Centre 2131 2020. Madankollu dawn it-telefonati mhumiex leġittimi u mhux joriġinaw mill-Bank.

It-teknika użata minn min qed iwettaq dawn it-telefonati hija msejjħa ‘spoofing’ u għandha l-għan li l-komunikazzjoni tidher waħda ġenwina u min jirċievi t-telefonata ma jindunax li hija qarrieqa. Il-vittmi qed jiġu infurmati li “ġew innutati tranżazzjonijiet suspettużi” fuq il-kards jew il-kontijiet tagħhom. Dan isir bl-iskop li l-vittma tieħu “azzjoni” billi tagħti informazzjoni finanzjarja sensittiva bħal numru tal-kontijiet, passwords, dettalji tal-kard, jew saħansitra tawtorizza tranżazzjonijiet finanzjarji.

Huwa importanti li l-pubbliku jkun konxju li l-impjegati tal-BOV qatt ma jsaqsu għal numru ta’ kontijiet, numru sħiħ tal-kard, dettalji ta’ CVV (it-tliet numri li jinsabu fuq wara tal-kard), numri tal-PIN, passwords tal-internet jew mobile banking, kodiċi, firem, one-time passwords jew multi-factor authentication. Impjegati tal-Bank qatt ma jitolbu lill-klijenti sabiex iwettqu tranżazzjonijiet finanzjarji permezz tat-telefon. Il-pubbliku huwa mħeġġeġ sabiex ma jagħti l-ebda informazzjoni sensittiva fuq it-telefon jew minn xi link permezz ta’ SMS.

Għaldaqstant, il-BOV jkompli jħeġġeġ lill-pubbliku sabiex jibqa’ viġilanti l-ħin kollu. F’każ ta’ dubju, il-klijenti għandhom jagħmlu kuntatt mal-Bank minnufih. Meta wieħed iċempel fuq 2131 2020, it-telefonata tmur dirett għand il-Customer Service Centre tal-BOV u minn hemm, ir-rappreżentanti jkunu jistgħu jivverifikaw it-telefonati li jkunu saru.