Internazzjonali

Il-Gwerra fl-Ukrajna: L-Ukreni jirċievu l-missili għal fuq id-distanzi kbar mingħand ir-Renju Unit

Ir-Renju Unit qed jissupplixxi lill-Ukrajna bil-missili għal fuq id-distanzi kbar li l-Ukreni kienu talbu biex jirreżistu aħjar lill-qawwiet  Russi li invadewlhom arthom.

B’hekk il-Britanniċi saru l-ewwel fost l-Istati Ewropej li żiedu l-għajnuna militari lill-Ukreni fuq livell daqstant sinifikanti – meta l-missili Storm Shadow huma, fil-fatt, cruise missiles li jwasslu fuq distanzi ta’ aktar minn 250 kilometru. B’kuntrast għal dan, il-missili Himars li l-Ukreni rċevew mingħand l-Istati Uniti għandhom biss il-kapaċità biex iwasslu għal 80 kilometru.

It-Tmexxija tar-Russja, intant, tinsab irrabjata għal din l-għajnuna militari lill-għadu Ukren. Dan waqt li l-Ministru tad-Difiża Britanniku, Ben Wallace, sostna li l-missili Storm Shadow qed jipprovdu ċans akbar lill-Ukreni biex jiddefendu ruħhom kontra l-aggressjoni mill-Armata tal-President Russu, Vladimir Putin.

Wallace tenna li l-missili għandhom jgħinu lill-Ukreni biex ikeċċu lit-truppi Russi mill l-artijiet okkupati u li r-Renju Unit impenja ruħu aktar  bħala alleat (ta’ Kiev) ladarba r-Russi baqgħu jattakkaw l-infrrastruttura  ċivili tal-Ukreni.

Fil-fatt, Wallace, ftit xhur ilu, kien kiteb lill-Ministru tad-Difiża Russu, Sergei Shoigu, fejn wissih li l-offensivi ripetuti tar-Russi fuq iċ-ċivili Ukreni kienu se jwasslu biex ir-Renju Unit jibgħat armamenti aktar sofistikati lill-Ukreni.

Mifhum ukoll li l-Ukreni setgħu rċevew diġà l-ewwel kunsinna tal-missili Storm Shadow, bil-Gvern Britanniku jsostni mill-ġdid li dan qed isir ‘proporzjonalment mal-eskalazzjoni tal-ġlied (fl-Ukrajna) min-naħa tar-Russja’.

Fl-istess ħin, il-Ministru Ben Wallace enfasizza li ‘xejn minn dan ma kien ikun neċessarju li kieku l-Armata tar-Russja ma invadietx lill-Ukrajna’.