Lokali

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista jiltaqa’ mar-rebbieħa tal-Festival Internazzjonali tal-Logħob tan-Nar

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech laqa’ fid-Dar Ċentrali lit-tmexxija tal-Għaqda tan-Nar Bambina tal-Mellieħa, li fil-jiem li għaddew rebħu l-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Festival Internazzjonali tal-Logħob tan-Nar.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista esprima l-apprezzament tiegħu għall-impenn kontinwu tagħhom f’delizzju li jferraħ lil ħafna nies u jsebbaħ il-festi fil-bliet u l-irħula tagħna. Hu nnota kif min hu involut fin-nar jagħmel sena ħidma għal dawk il-mumenti speċjali, filwaqt li nnota b’dispjaċir kif elementi bħat-temp jafu jirrovinaw dik il-ħidma li tkun saret.

Min naħa tagħhom, f’isem l-Għaqda, il-President Toni Caruana u s-Segretarju Trevor Vella rringrazzjawh tal-laqgħa u ppreżentawlu wkoll tifkira tal-okkażjoni.

Matul il-laqgħa, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien akkumpanjat mill-Kelliem tal-Partit għad-Delizzji u t-Tagħlim ta’ Matul il-Ħajja Charles Azzopardi, mid-Deputati tad-distrett Ivan Castillo u Graziella Galea kif ukoll mill-Kunsillier Lokali tal-Partit Nazzjonalista fil-Mellieħa Emvin Bartolo.