Lokali Qorti

Il-Qorti tikkonferma sentenza tat-Tribunal tal-Ambjent dwar studju fuq l-impatt ambjentali f’Manoel Island

Il-Prim Imħallef Mark Chetcuti ikkonferma sentenza tat-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar li ma laqax l-appell li sar mill-Għaqda Flimkien Għall-Ambjent Aħjar (FAA) biex jannulla l-istudju dwar l-impatt ambjentali (EIA) li sar fuq il-proġett ta’ Manoel Island propost mill-konsorzju MIDI.

Fil-bidu ta’ din is-sena, t-Tribunal ċaħad l-appell tal-FAA u Jamie Mercieca biex jannulla l-EIA li kien approvat mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, l-ERA. L-FAA hawn appellat mid-deċiżjoni u talbet lill-Qorti tal-Appell tirrevoka din id-deċiżjoni għax skont hi l-istudju l-ġdid li sar dwar l-impatt ambjentali ma sarx skont il-liġi.

Madankollu l-Qorti tal-Appell caħdet l-argumenti kollha li ressqet l-FAA u kkonferma d-deċiżjoni mog]tija mit-tribunal. Il-Qorti qalet li l-FAA m’għandhomx raġuni fl-interpretazzjoni li taw dwar l-EIA li skontha kienet loġika u raġonevoli u ma sabet xejn x’tiċċensura. Il-qorti ċaħdet ukoll l-aggravju dwar il-konsulenti mqabbda mill-iżviluppatur biex iħejju l-istudju ambjentali.

Il-qorti qalet ukoll li l-ilment tal-FAA ma fihx mis-sewwa għax hu biss ir-rapport tal-EIA li kellu jsir mill-ġdid mhux il-proċess kollu tal-EIA. Is-sentenza tg]id li għalkemm il-kumpanija li għamlet l-istudju tqabbdet mill-konsulent u ma jidhirx li għamlet dikjarazzjoni ta’ imparzjalità u indipendenza, jibqa’ l-fatt li l-istudji ġew mistħarrġa minn awtoritajiet indipendenti. Għalhekk dan in-nuqqas proċedurali mhux biżżejjed biex iwaqqa’ l-validità tar-rapport.

Dwar l-istudju li sar fuq l-impatt viżwali, il-qorti sostniet li jidher ċar li t-Tribunal ħa inkonsiderazzjoni l-ilmenti tal-FAA u qies li mir-riżultanzi tal-istudju ma dehrlux li kien hemm nuqqas fil-proċess tal-EIA. Qal li Il-fatt li ma qabilx mal-ilmenti ma jfissirx li ma kkunsidrahomx.