Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ impenjat li jsaħħaħ sehem n-nisa, l-ommijiet u n-nanniet fis-soċjeta tagħna. Dan sabiex jibqgħu fil-qalba tal-politika, kif kienu minn dejjem għall-Partit Nazzjonalista.
Hekk stqarr il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta l-Ħamis filgħodu tkellem f’attivita socjali li saret fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista.

Quddiem dawk preżenti, Bernard Grech wassal messaġġ partikolari għall-ommijiet – ftit jiem biss qabel jiġi ċċelebrat Jum l-Omm. Bil-Kap tal-Partit Nazzjonalista jitkellem dwar il-bżonn ta’ politika li fiċ-ċentru tagħha jkun hemm in-nisa u l-ommijiet; kif ukoll in-nanniet illi tant għandhom rwol essenzjali.
Fil-messaġġ tiegħu, Bernard Grech insista anke fuq il-ġlieda tal-Partit Nazzjonalista għal saħħa aħjar …sabiex is-servizz fl-isptarijiet jibqa’ ta’ kwalita’, u mhux jintesa kif seħħ taħt il-Gvern ta’ Robert Abela.
Apparti minn hekk, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar fid-denunzja li ressaq għand il-Kummissarju biex jiġu investigati Robert Abela u sħabu dwar id-deal tal-isptarijiet; bil-Kummisarju għadu totalment fil-muta.
Minkejja din ir-reżistenza, Bernard Grech saħaq li l-verità fl-aħħar mill-aħħar tirbaħ u l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jistinka biex issir ġustizzja dwar din l-akbar frodi.
