Lokali Qorti

Ix-xhieda ta’ Yorgen Fenech sospiża b’ġimgħa għax għandu l-Qorti

Yorgen Fenech mhux se jkun qed jixhed quddiem il-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi tal-Parlament nhar-Tlieta li ġej imma ġimgħa wara, t-Tlieta 23 ta’ Mejju. Dan peress li nhar it-Tlieta għandu l-Qorti. Preparamenti għal din ix-xhieda fil-Parlament diġa qegħdin isiru.

Uffiċjali tas-sigurtà mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin spezzjonaw il-binja biex jipprovdu arranġamenti ta’ sigurtà għax-xhieda tiegħu. Dan sar fil-bidu tal-ġimgħa, il-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi (PAC) talab lid-direttur tal-ħabs biex iħalli Fenech, mixli bl-involviment fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, jixhed fis-seduti dwar l-inkjesta tal-NAO dwar l-impjant tal-enerġija Electrogas.

Din se tkun l-ewwel ċans għal Fenech li jitkellem f’forum pubbliku. Is-seduti tal-PAC tal-eks chief of staff Keith Schembri kellhom jiġu sospiżi wara li Schembri fetaħ każ kostituzzjonali, fejn sostna li kien hemm ksur tad-drittijiet tiegħu meta ċ-chairman tal-PAC Darren Carabott u żewġ Deputati Nazzjonalisti ressqu rapport kriminali allegaw falz ġuri.

Kien il-Membru Parlamentari Carabott li għamel talba biex Yorgen Fenech jixhed fil-PAC. Apparti Darren Carabott, fil-PAC f’isem il-PN hemm ukoll David Agius u Graham Bencini. Reċentement, Yorgen Fenech kien spiċċa mill-ġdid fl-aħbarijiet meta ġew leaked chats ta’ whatsapp mad-Deputat Rosianne Cutajar – messaġġi illi juru mhux biss ir-rabta li kellu ma’ Cutajar, iżda wkoll is-saħħa li kellu biex iġib informazzjoni minn Kastilja. Tant illi kien jiftaħar li kapaċi jitkixxef fuq dak li għaddej fil-Gvern.