Sport Sport Ieħor

Karting: Ella Zammit u Benji Westwood jieħdu sehem fir-ROK Cup Italia

Bejn il-Ġimgħa 5 u l-Ħadd 7 ta’ Mejju, is-sewwieqa tal-karting Maltin Ella Zammit u Benji Westwood kienu fis-South Garda Karting fi Brescia, l-Italja, għat-tielet round tar-ROK Cup Italia.

Westwood kellu ritmu tajjeb fit-tiġrijiet kollha, u laħaq ħinijiet kompetittivi bl-aqwa sewwieqa bħal Aina Hakkinen, it-tifla ta’ Mika Hakkinen issuq miegħu fl-istess klassi.

Fil-kwalifikazzjoni, Westwood spiċċa fid-9 post. Fl-ewwel heat beda fil-11-il post u spiċċa fis-16, u fit-tieni heat reġa beda fil-11-il post. Matul it-tellieqa avvanza tmien postijiet sar-raba’ post iżda spiċċa t-tellieqa fis-seba’ post.

Westwood beda l-finali fl-14-il post minn 54 sewwieq u spiċċa fil-25 post. Kien tmiem il-ġimgħa ta’ sfida kbira fejn fil-provi tal-Ġimgħa beda b’ħinijiet mill-aqwa sakemm inċident ħalla lil Westwood bil-qafas tal-kart mgħawweġ. Il-Ħadd, Westwood kellu jsuq b’kart ġdida fjamanta.

Ella Zammit ikkompetiet fil-Kategorija Super ROK. Sfortunatament, Zammit ukoll kellha problemi mekkaniċi f’ħafna mit-tiġrijiet u eventwalment spiċċat fl-14-il post minn 17-il sewwieq.

Kienet esperjenza ta’ taħriġ mill-aqwa, magni u tyres ġodda, setup ta’ karts differenti u tlielaq kontra ħafna karts fejn kollox juri li kemm Westwood kif ukoll Zammit għandhom kapaċitajiet meħtieġa, iżda jeħtieġ iż-żmien, il-paċenzja u ħafna prattika sabiex jaslu fejn mixtieq.