Internazzjonali

L-Italja: Arrestati aktar membri tal-grupp mafjuż ‘Ndrangheta

Il-Pulizija Taljana komplet tarresta l-għexieren tal-membri suspettati tal-grupp kriminali ‘Ndrangheta, li huwa l-akbar organizzazzjoni mafjuża fl-Italja.L-arresti saru waqt sensiela ta’ rejds f’seba’ reġjuni tal-pajjiż, bl-arrestati jridu jwieġbu dwar traffikar tad-droga, frodi, rikatt tal-bdiewa kif ukoll dwar infiltrazzjoni tal-entitajiet Governattivi bil-ħsieb li jinfluwenzaw il-politika lokali.

‘Il fuq minn 500 uffiċjal tal-pulizija kienu involuti fl-aħħar rejds fil-konfront ta’ xi 170 mafjuż, bħala fażi  ta’ azzjoni aktar mifruxa kontra l-‘Ndrangheta.

Ftit jiem qabel, ‘il fuq minn 100 membru tal-mafja kienu spiċċaw arrestati madwar l-Ewropa waqt ‘l-akbar azzjoni qatt organizzata mill-pulizija’ fil-konfront tal-organizzazzjoni kriminali partikulari.

L-azzjoni kellha anki l-involviment ta’ għaxar pajjiżi, bil-pulizija, fost oħrajn, taħtaf l-assi tal-mafjużi ta’ valur ikkalkulat mal-25 miljun ewro.

Wieħed mill-allegati kapijiet tal-‘Ndrangheta, Pasquale Bonavota, kien arrestat ftit ġimgħat ilu f’kattidral ta’ Ġenova, b’mijiet ta’ allegati mafjużi, flimkien ma’ xi uffiċjali korrotti jew jinsabu l-ħabs inkella qed jistennew biex ikunu proċessati dwar suspettat involviment mal-Familja ta’ Mancuso li għandha influwenza kbira fl-operat kriminali tal-‘Ndrangetha.