Lokali

Raġel fil-periklu tal-mewt wara li kien involut f’inċident li fih weġġgħu tliet persuni

Raġel qed jissielet għal ħajtu wara li kien involut f’inċident li seħħ ilbieraħ, għal ħabta tas-sebgħa u kwart ta’ filgħaxija fi Triq Sir Anthony Mamo, Birkirkara.

Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post u mill-ewwel stħarriġ li sar irriżulta li seħħet ħabta bejn Volkswagen Golf misjuqa minn mara ta’ 30 sena residenti l-Imqabba, u Peugeot 208 misjuqa minn Franċiż ta’ 25 sena u joqgħod l-Mellieħa.

Fil-Peugeot, kien hemm ukoll erba’ passiġġiera, tlitt irġiel ta’ 27, 25 u 21 sena u tfajla ta’ 19-il sena, kollha minn Franza u joqogħdu l-Mellieħa.

Fuq il-post issejjaħ tim mediku sabiex jassisti, u ambulanzi ħadu l-mara ta’ 30 sena u ż-żewġ passiġġiera ta’ 25 u 19-il sena l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa. Aktar tard, ir-raġel ġie ċċertifikat li weġġa’ serjament u jinsab fil-periklu tal-mewt, it-tfajla ġiet iċċertifikata li weġġgħet gravi filwaqt li l-mara ġiet iċċertifikata li weġġgħet ħafif.

Il-Maġistrat tal-Għassa Joseph Gatt ġie infurmat u ħatar inkjesta. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.