Lokali

Robert Abela jikkonferma li Angelo Gafa għadu ma kellmux

Wara tliet ijiem waslet il-konferma minn fomm il-Prim Ministru stess – konferma li Angelo Gafa għadu ma għamel ebda komunikat miegħu dwar id-denunzja li għandu f’idejh.

Dan hekk kif issa għaddew kważi erbat ijiem minn meta l-Partit Nazzjonalista preżenta denunzja lill-Kummissarju tal-Pulizija sabiex jinvestiga lil dawk kollha involuti fid-deal skandaluż tat-tliet sptarijiet… inkluż lill-Prim Ministru Robert Abela.

Meta ġie affaċjar bid-domandi ta’ Net News, Robert Abela sejjaħ din id-denunzja bħala waħda falza… u qal li jistgħu jinvetigawh meta jridu.

Pero, minkejja dan il-kliem sabiħ biex jipprova jimpressjoni li m’għandu xejn x’jaħbi, għadu sa issa ma resaqx ‘il quddiem sabiex ikun investigat jew biex jagħti kwalunkwe informazzjoni li għandu dwar Steward. Meta kien hu stess li approva miljuni kbar għal dan id-deal, sena wara l-oħra.

Id-denunzja li ressaq il-Partit Nazzjonalista qed titlob lill-Kummissarju tal-Pulizija sabiex jinvestiga lil dawk kollha involuti f’dan l-ikbar skandlu li qatt sar f’pajjiżna… lill-eks Prim Ministru Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi… kif ukoll lill-eks Ministru Edward Scicluna u lill-Ministri Chris Fearne u lil Clyde Caruana. Apparti dawn, għandu jkun investigat ukoll il-Prim Ministru Robert Abela li meta daħal fis-siġġu tal-poter, xorta waħda ħalla dan id-deal għaddej – deal li seraq lill-poplu Malti mal-400 miljun ewro.

Bl-istess Prim Ministru għadu sal-lum ma fetaħx kawza kontra Vitals u Steward sabiex dawn il-flus jintraddu lura.