Disa’ xhur ħabs sospiżi għal sentejn u sospenzjoni tal-liċenzja għal erba’ xhur għal Franċiż ta’ 25 sena li ammetta li nhar l- Erbgħa filgħaxija kien involut f’ħabta bejn żewġ karozzi f’Birkirkara li wassal biex Franċiż ta’ l-età tiegħu jispiċċa jiġġieled qed għal ħajtu
Bryan Bouhadana ammetta li saq b’mod traskurat wassal biex Franċiż li joqgħod il-Mellieħa jweġġa’ f’ħabta bejn żewġ karozzi f’Birkirkara. L-inċident seħħ għall-ħabta tas-7.15pm fi Triq Sir Anthony Mamo. Fil-ħabta seħħet bejn il-karozzi kienu nvoluti mara ta’ 30 sena, toqgħod l-Imqabba.
Fil-karozza li kienet qed tinstaq mill-akkużat, kien hemm ukoll erba’ passiġġiera, tliet irġiel wieħed ta’ 27 sena, il-vittma u ieħor ta’ 21 sena u tfajla ta’ 19-il sena, kollha Franċiżi u joqogħdu l-Mellieħa. Huwa ammetta li kien qed isuq karozza tal-kiri tal-għamla Peugoet.
L-Ispettur Ritienne Gauci qalet li wara li seħħet il-ħabta, irriżulta li kien hemm raġel Franċiż ta’ 25 sena fil-periklu tal-mewt u għalhekk inħareġ mandat t’arrest fil-konfront tal-akkużat. Il-prosekuzzjoni qalet li mhux qed tfittex piena ta’ ħabs. L-Avukat Brandon Kirk Muscat qal li l-akkużat ma kellux intenzjoni li jagħmel hekk u ċ-ċirkostanzi ġraw kif ġraw u għalhekk sentenza sospiża tkun idonea. Żied, li l-akkużat jixtieq jagħlaq dan il-kapitlu, jitlaq mill-pajjiż u jkompli b’ħajtu.
Il-Maġistrat Gabriella Vella kkunsidrat li l-kondotta tal-akkużat hija nadifa u l-ammissjoni bikrija tiegħu meta ġiet biex tagħti s-sentenza. Fuq il-post issejjaħ tim mediku biex jassisti lill-vittmi. Il-mara ta’ 30 sena u ż-żewġ passiġġiera Franċiżi ta’ 25 u 19-il sena ttieħdu l-Isptar Mater Dei b’ambulanza għall-kura. Aktar tard, iż-żagħżugħ ta’ 25 sena ġie ċċertifikat li weġġa’ serjament, filwaqt li ż-żagħżugħa weġġgħet sew iżda mhux fil-periklu tal-mewt u l-mara sofriet ġrieħi ħfief. Għalih deher l-Avukat Brandon Kirk Muscat filwaqt li l-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Ritienne Gauci.
//= $special ?>