Futbol Sport

Sergio Busquets se jħalli lil Barcelona wara 18-il sena

(Ritratt: EPA)

Il-midfielder Spanjol Sergio Busquets se jħalli lil Barcelona fi tmiem l-istaġun wara karriera ta’ 18-il sena mat-tim minn Catalunya.

L-eks internazzjonali Spanjol, li għandu 34 sena lagħab 718-il partita ma’ Barcelona, it-tielet l-aktar plejer li lagħab għal dan il-club. Busquets rebaħ 25 unur maġġuri mal-club fosthom tmien darbiet il-La Liga, seba’ darbiet il-Copa del Rey, seba’ darbiet is-Super Cup Spanjola kif ukoll tliet darbiet il-UEFA Champions League.

Fi stqarrija, Busquets qal li għalkemm din ma kinietx deċiżjoni faċli għalih, huwa jħoss li wasal iż-żmien li jħalli l-club. Busquets jinsab viċin li jirbaħ id-disa’ titlu ta’ La Liga tiegħu hekk kif it-tim immexxi minn Xavi jinsab 13-il punt fuq Atletico Madrid hekk kif fadal ħames partiti.

Sergio Busquets irtira mill-futbol internazzjonali f’Diċembru tal-2022, fejn kien parti mill-iskwadri li rebħu it-Tazza tad-Dinja fl-2010 kif ukoll il-EURO 2012 taħt it-tmexxija ta’ Vincente del Bosque.