Lokali Qorti

Twissija wara li hedded lil Cassola permezz ta’ post

Raġel li bagħat messaġġ ta’ theddid lill-politiku indipendenti l-Professur Arnold Cassola fuq il-midja soċjali, tħalla bi twissija wara li Cassola rtira l-ilment kriminali tiegħu fid-dawl ta’ apoloġija mill-imputat. F’kumment bi kliem ħażin taħt post li fih Cassola ppubblika screenshot ta’ ritratt ta’ Instagram tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat u martu jippożaw f’post fejn isir l-inbid dakinhar tas-sentenza storika tal-Qorti li ordnat ir-revoka tal-ftehim kontroversjali tat-tliet sptarijiet fil-konfront ta; Vitals u Steward, Emmanuel Piscopo kien insulenta lil Cassola u wissieh “int jmiss lilek.”

Piscopo ġie akkużat aktar kmieni din il-ġimgħa wara li Cassola kien għamel rapport lill-pulizija. Iżda meta deher quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia, Piscopo skuża ruħu għal dak li kien għamel. U hawn Cassola informa lill-qorti li ma xtaqx ikompli bil-każ . Qabel ma bagħtitu l-barra mill-awla, il-Maġistrat Farrugia wissa’ lil Piscopo li dan it-tip ta’ theddid kien punibbli sa 18-il xahar ħabs u multa sa €23,000.