Lokali

“Waqqfu” l-qerda ambjentali f’Għawdex

L-appell huwa wieħed ċar – il-qerda ta’ Għawdex għandha tieqaf. U fuq kollox, għandu jieqaf l-abbuż ambjentali.

Dan kien il-messaġġ dirett li ħareġ mill-editorjal tat-Times of Malta, illi tefa’ dawl fuq il-pressjoni li qed issir mill-koalizzjoni imsejjħa ‘Għal Għawdex’ – grupp ta’ NGO’s illi fl-aħħar jiem preżentaw pjan ta’ 8 punti biex jissalvagwardjaw l-ambjent naturali f’Għawdex.

L-editur stqarr, li l-politċi qed ifallu milli jindirizzaw dak li qed jaffettwa lill-poplu. Tant hu hekk li fl-aħħar snin il-gżejjer Maltin ġew fgati b’kostruzzjoni irresponsabbli.

Il-koalizzjoni Għal Għawdex qed titlob li l-awtoritajiet  jieħdu azzjoni immedjata, qabel ma ssir iżjed ħsara lill-ambjent naturali.  Dan filwaqt, li qed jimbuttaw sabiex ikun hemm perjodu, fejn jiġu ffriżati applikazzjonijiet ġodda fuq artijiet ODZ u li jitneħħew l-inċentivi fiskali meta tinbigħ art li se tiġi żviluppata f’appartamenti.

Appellaw ukoll sabiex jiżdiedu ż-żoni ta’ konservazzjoni fil-gżejjer Maltin.

L-editorjal ikompli jgħid, li l-Prim Ministru Robert Abela qed jippermetti l-qerda ambjentali, hekk kif hu qed jibqa’ jwiegħed li se jbiddel l-istrateġiji tal-Awtorita’ tal-Ippjanar – iżda dan jsir qatt.

It-Times tirrimarka kif gżejjer turistiċi oħra fil-Mediterran, baqgħu jipproteġu l-ambjent naturali tagħhom, u din hija prova ċara li jekk l-awrtoritajiet u l-politċi Maltin jieħdu azzjoni … Malta ukoll tista’ tippreserva l-ambjent naturali.

L-editorjal jagħlaq billi jtenni, li l-preservazzjoni tal-ambjent Malti u Għawdxi, m’għandux ikun aġenda politika għal rebħa elettorali, iżda għall-ħarsien tal-poplu Malti u Għawdxi.

Fl-aħħar jiem, anke l-eks deputat tal-Labour Lino Debono ingħaqad ma’ dan il-kor ta’ kundanna li kompla jiħrax, ġimgħa wara l-oħra.

Lino Debono, li serva bħala Membru Parlamentari f’isem il-Partit Laburista bejn l-1981 u l-1992 ikkritika bl-aħrax id-deċizzjonijiet tal-Gvern ta’ Robert Abela … u tenna li l-iżvilupp bl-addoċċ li qiegħed jipperemtti l-Gvern qiegħed jeqred il-karattru uniku li jgawdi Għawdex.