Lokali

Bank Ewropew f’pajjiżna b’turija tal-valuri Ewropej u l-unità

F’pajjiżna ġie inawgurat l-ewwel bank Ewropew bil-kuluri blu u isfar – inizjattiva li għandha l-ħsieb li b’ġest sempliċi tippromwovi l-valuri Ewropej tal-unità kontra l-mibegħda u l-intolleranza.

Dan il-bank sar fil-Kampus tal-Università ta’ Malta fuq inizzjattiva tal-organizzazzjoni tal-Federalisti Żgħażagħ Ewropej u l-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta.

Net News tkellem mal-President ta’ JEF Malta, Nicole Spiteri illi spjegatilna kif permezz ta’ din l-inizzjattiva għandhom l-għan li jwasslu messaġġ lil dawk kollha li jgħaddu minn quddiem dan il-bank.

Il-proġett ta’ bank Ewropew beda fl-Italja u kien promoss mill-fergħa Taljana tal-istess organizzazzjoni wara vandaliżmu b’simboli Nazisti, bl-ewwel bank Ewropew isir fil-belt Taljana ta’ Lecco f’Lulju tal-2021.

Illum il-ġurnata hemm aktar minn 50 bank madwar l-Italja bħala parti minn din l-inizjattiva.

Il-Kap tal-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta, Mario Sammut spjega kif inizzjattivi ta’ dan it-tip huma importanti sabiex il-valuri tal-Unjoni Ewropea jibqgħu ħajjin u nassiguraw li ma narawx aktar gwerer u mibgħeda fil-kontinent.

Persuni minn madwar l-Ewropa kollha ingħaqdu ma’ din l-inizzjattiva biex ipinġu l-kuluri tal-Unjoni Ewropea fuq bank f’pajjiżhom. U ma’ dawn l-istati issa ingħaqdet anke Malta b’dan il-bank li ġie inawgurat fl-Università.