Id-diskussjonijiet bejn l-OPM, is-saħħa u l-MUMN dwar il-ftehim settorjali l-ġdid għadhom għaddejjin iżda wara tliet ġimgħat ta’ diskussjonijiet, għadu ma ntlaħaq l-ebda ftehim. Laqgħa oħra hija skedata għall-ġimgħa d-dieħla.
Dan qalitu l-MUMN fi staqrrija għall-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali tal-Infermiera. L-MUMN saħqet li l-infermiera huma l-aktar assi siewja fis-servizz tas-saħħa peress li minbarra li jieħdu ħsieb il-pazjenti tagħhom 24/7, għandhom ukoll ir-responsabbiltà tat-tmexxija tal-isptarijiet, kliniki, residenzi u djar tal-anzjani kollha. L-infermiera mhux biss jagħtu servizz iżda huma wkoll it-tmexxija ta’ kull servizz tas-saħħa f’pajjiżna.
Ix-xogħol ta’ infermiera mhux faċli u bin-nuqqas kbir ta’ infermiera f’Malta u madwar id-dinja, kull Gvern għandu jinvesti bil-kbir biex jindirizza n-nuqqas.
Intant għal din l-okkażjoni, l-MUMN bil-kollaborazzjoni tal-Ministeru għas-Saħħa, ħabbret li ppubblikat ktieb bl-isem ‘L-Infermerija tar-Ruħ’ ta’ Fr. Mario Attard. It-tema ta’ din is-sena magħżula mill-Kunsill Internazzjonali tal-Infermiera (ICN) hija “L-Infermiera tagħna, il-Futur tagħna”. Dan il-ktieb huwa l-għodda perfetta biex tfakkar din l-okkażjoni speċjali.
Fl-istqarrija L-MUMN qalet li tixtieq tirrimarka wkoll li l-Ħamis il-Kunsill tal-MUMN kien ixxukkjat meta sema’ li l-avukati li jirrappreżentaw lil Abner Aquilina, li kien akkużat bi qtil brutali u li allegatament diġà hedded infermier, iridu jittrasferixxu lil Aquilina mit-Taqsima Forensika għal sala regolari fl-Isptar Monte Karmeli.
Hija sostniet li talba bħal din mill-avukati t’Aquilina se tipperikola s-saħħa u s-sigurtà tal-Infermiera, carers u pazjenti oħra vulnerabbli fl-Isptar Monte Karmeli. Talba bħal din ukoll ma tagħmel sens xejn, mogħtija għall-fatt li l-kura kollha meħtieġa tista’ tingħata lil Aquilina fit-Taqsima Forensika mingħajr ma jiġu pperikolati pazjenti oħra.
L-MUMN tagħti appoġġ sħiħ lis-CEO fl-Isptar Monte Karmeli li fil-Qorti rrimarka li Aquilina għandu jibqa’ fit-Taqsima Forensika peress li l-Isptar Monte Karmeli mhuwiex sptar ta’ sigurtà għolja u m’għandux il-livell għoli ta’ sigurtà bħat-Taqsima Forensika.
L-MUMN tappella lill-qorti biex tirrifjuta tali talba iżda jekk it-talba tintlaqa’, l-MUMN qed tistqarr li ġiet ikkuntattjata mill-membri numerużi tagħha fl-Isptar Monte Karmeli sabiex tieħu azzjoni kif jidhrilha xierqa biex tipproteġi s-saħħa u s-sigurtà tagħhom. L-infermiera għandhom dritt li jħossuhom protetti u sikuri u ħadd ma jistħoqqlu li jiġi mhedded jew maqtul waqt li jkun fuq ix-xogħol bħala infermiera.
Il-Kunsill tal-MUMN jieħu din l-opportunità biex ifaħħar lill-Infermiera kollha f’Malta u jirringrazzjahom tas-sagrifiċċji li qed jagħmlu għall-pazjenti tagħhom.
//= $special ?>