Il-battalja għall-kontroll ta’ Bakhmut – li ilha għaddejja mis-sajf li għadda – qed tiżvela l-iżviluppi favur id-difensuri Ukreni li ilhom ix-xhur jirreżistu l-offensiva tal-Armata Russa, megħjuna mill-grupp Wagner tal-merċenarji li kisbu reputazzjoni għall-massakri u reati oħra tal-gwerra fl-Ukrajna.
U għalkemm ir-Russja għadha qed tinsisti li tinsab viċin ‘trijonf storiku’ f’Bakhmut, l-osservaturi indipendenti qed jaqblu mal-istqarrija tal-Ministeru tad-Difiża Ukren, fis-sens li l-qawwiet tal-Ukrajna f’Bakhmut ħatfu lura numru ta’ distretti importanti fi spazju ta’ ġimgħa,
Fl-istess ħin, il-Kremlin f’Moska mhux jammetti għal disfatta militari waqt li, mill-banda l-oħra, għad ma hemm l-ebda sinjali li l-Ukreni qed iħejju l-kontra-attakk ‘massiċċ u finali’ biex jieħdu lura aktar zoni okkupati mill-militar Russu.
Madankollu, l-esperti ma’ think tank bl-isem Institute for the Study of War ibbażat fl-Istati Uniti ftit għandhom dubji li l-qawwiet Ukreni qegħdin jagħmlu l-kisbiet sinifikanti fil-battalja għal Bakhmut fejn intilfu l-eluf kbar tas-suldati – speċjalment fost il-qawwiet tal-Kremlin,
L-esperti qalu wkoll li l-Ministeru tad-Difiża Russu ‘kien wisq pront biex jirrikonoxxi u jiċħad il-kontra-attakki tal-Ukreni’ u li din ir-reazzjoni qed tindika ‘livell ogħla ta’ paniku’ fuq in-naħa ta’ Moska.
Dan waqt li l-Gvern Russu kompla jgħid xorta waħda li l-istqarrijiet mill-militar Ukren ‘ma jikkorrispondux mar-realtà f’Bakhmut.
Aktar ma jgħaddi żmien, aktar il-belt ta’ Bakhmut qed iżżid l-importanza simbolika, anki jekk ma għandhiex wisq valur minn aspett strateġiku.
Fil-fatt, il-Ministeru tad-Difiża Ukren qal li r-Russja ‘tinsab ossessjonata’ dwar Bakhmut u li dan qed jirriżulta mid-disprament tal-Kremlin biex jippreżenta provi konkreta ta’ rebħa militari rari waqt l-invażjoni tal-Ukrajna.
L-Ukrajna qed takkuża wkoll lir-Russja b’li qed tivvinta s-suċċessi militari filwaqt li twassal il-messaġġi qarrieqa li qegħdin jispiċċawlha l-armi u l-munizzjon. Dan waqt li l-kmandanti militari Ukreni qed jinsistu li huma ilhom il-jiem ma jitilfu l-art f’Bakhmut, bir-Russi qed iħallsu b’ħajjithom għal kull attakk fallut fl-inħawi.
//= $special ?>