Lokali Saħħa

“Il-Kummissarju tal-Pulizija għandu jagħmel id-dover tiegħu u jibda jinvestiga l-ħmieġ li wettaq il-Gvern”

Għaddew ħamest ijiem minn meta l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech u d-Deputat Nazzjonalista Adrian Delia ppreżentaw denunzja dwar il-każ tal-Vitals u Steward lill-Kummissarju tal-Pulizija.

Wara 96 siegħa l-Prim Ministru Robert Abela u l-Kummissarju tal-Pulizija baqgħu m’għamlu xejn dwar din id-denunzja. Din hija l-ewwel darba fl-istorja politika ta’ pajjiżna li 8 politiċi nklużi Prim Ministru attwali, Robert Abela, u eks Prim Ministru, Joseph Muscat, tressqet denunzja dwarhom dwar reati gravi bħal frodi, korruzzjoni, tixħim, abbuż ta’ poter, ħasil ta’ flus u dikjarazzjonijiet foloz fost ħafna reati oħra.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret mill-Kelliem għall-Ġustizzja, Karol Aquilina u l-Kelliem għall-Intern, is-Sigurtà u r-Riformi, Joe Giglio f’isem il-Partit Nazzjonalista fejn qalu li minkejja li għaddew dawn il-ġranet kollha… dawk responsabbli qed jibqgħu jirrifjutaw li jieħdu xi forma ta’ azzjoni biex pajjiżna jieħu lura d-dinjità li jixraqlu.

Karol Aquilina qal li fost dawk involuti f’dan il-frodi hemm numru ta’ politiċi, investituri, dawk fdati mill-Gvern u anke diversi kumpaniji.

“Aħna nistennew li l-Kummissarju jibgħat għal dawn in-nies u jibda jinvestiga u Robert Abela jagħti l-informazzjoni kollha li għandu biex il-Kummissarju jkun jista’ jinvestiga b’mod sħiħ bla ebda ħabi,” qal Aquilina.

Joe Giglio qal li l-poplu Malti u Għawdxi spiċċa jħallas għal dak li Gvern Laburista għamel bi frodi. Huwa qal li l-Kummissarju tal-Pulizija jonqsu biss li jibda jinvestiga wara li hemm provi ċari ta’ dak li Gvern ta’ Robert Abela u dawk ta’ madwaru għamlu biex jitħanżru huma biss.

“Huwa d-dover tagħna li meta naraw li pajjiżna tilef daqstant miljuni mit-taxxi tagħna, jekk hemm persuni responsabbli għal dan l-għemil kriminali, jitressqu l-Qorti,” qal Giglio. “Huwa wkoll id-dover tal-PN għaliex dak li rajna fil-kuntratti tal-isptarijiet hu ta’ għajb. Din hi sitwazzjoni biex il-Kummissarju qed ikun imsejjaħ biex jagħmel id-dover tiegħu.”