Ir-rabja fost in-nies hija evidenti. U dawk li sa ftit ilu kienu joqgħodu lura milli jikkummentaw, issa qed jilmentaw apertament…u jinsistu illi dan hu biss Gvern li għaddej b’kummiedja wara l-oħra, “lest biss li jisraqna.”
Kien dan is-sentiment ewlieni tan-nies wara li fi stqarrija uffiċjali maħruġa mill-Gvern ta’ Robert Abela tħabbar illi waqt l-istampar taċ-ċekkijiet tar-rifużjoni tat-taxxa ġew stampati u impustati 1,000 ċekk doppju.
Dan se jwassal biex fil-ġranet li ġejjin, dawk li rċievu ċekk doppju ser jiġu kkuntattjati permezz ta’ ittra ħalli jiġi ndikat lilhom liema ċekk inħareġ bi żball u b’hekk ikollhom jirritornawh.
Din l-aħbar ġabet magħha baraxx ta’ kritika fuq il-media soċjali:
“Gvern tad-daħq u tal-biki fl-istess ħin,” qalet persuna taħt l-artiklu li ġie ppublikat fil-paġna ta’ Facebook ta’ Net News. B’oħrajn jgħidu li dan hu biss Gvern li jagħmel il-pudini, dejjem iħawwad sforz l-għaġla biex jintbagħtu ċ-ċekkijiet lin-nies sabiex jipprovaw inessu l-ħmieġ li jinsab fih l-istess Gvern.
Kien hemm min fakkar kif din l-istess tmexxija ta’ Robert Abela serqet lin-nies eluf mill-kontijiet tad-dawl; flus li baqgħu qatt ma ingħataw lura.
Dan apparti l-miljuni ta’ ewro minn ħalq il-poplu Malti u Għawdxi biex igawdu biss dawk tal-qalb – sempliċiment biex jitħanżru. Serq li l-Gvern ta’ Abela lanqas biss prova jreġġa’ lura bħal fil-każ tal-ftehim frawdolenti tal-isptarijiet, fost numru ta’ deals skandalużi oħra li saru fl-aħħar snin.
Bin-nies jirrimarkaw illi sakemm il-Gvern jibqa’ jaħtaf u jitħanżer, il-poplu Malti u Għawdxi qed jibqa’ jbati. U bl-għoli tal-ħajja tiżdied ferm aktar minn kemm ingħataw il-familji biċ-ċekk ta’ darba illi bagħat Robert Abela.