B’azzjoni simbolika quddiem l-uffiċini tal-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi (MDA) dalgħodu, grupp ta’ attivisti ġibdu l-attenzjoni għall-mod kif il-politiċi, l-awtoritajiet u l-iżviluppaturi qegħdin jidfnu lil pajjiżna taħt bini bla rażan. Huma sejħu lill-pubbliku jingħaqad magħhom fil-protesta nazzjonali “Xebbajtuna! Bidla fl-Ambjent u l-Ippjanar ISSA!” nhar is-Sibt 27 ta’ Mejju fl-10.30am fil-Belt Valletta.
Permezz ta’ twiebet li jirrappreżentaw il-kwalità tal-ħajja, in-natura u s-saħħa tagħna, u l-Ħassada ta’ Kollox (grim reapers) li jirrappreżentaw lill-iżviluppaturi u lill-istituzzjonijiet, l-attivisti talbu sabiex jibdew jitħarsu l-ambjent u l-kwalità tal-ħajja minflok il-qligħ tal-ftit.
Bħalissa pajjiżna għandu policies tal-ippjanar imfassla fuq ix-xewqa tal-iżviluppaturi li jibnu kemm jifilħu mingħajr rispett lejn xejn u lejn ħadd. Fost dawn il-policies insibu dawk li jippermettu ħafna bini fl-ODZ, bħat-taparsi “razzet tan-nagħaġ” f’wied protett fil-Bidnija, ċapep t’appartamenti fl-irħula tagħna, bħal dawk ta’ Joseph Portelli fil-Qala u fis-Sannat, u bini kummerċjali intensiv maġenb ir-residenti, bħal-lukandi ta’ Michael Stivala fil-Gżira u Tas-Sliema u l-mostru tad-DB Group f’Pembroke. Policies bħall-Height Limitation Adjustment Policy for Hotels, ir-Rural Policy u Annex 2 tad-DC15, fost oħrajn, ħallew effett devastanti fuq l-ibliet, l-irħula u l-kampanja tagħna.
U din is-sitwazzjoni mwiegħra, minflok titranġa, sejra għall-agħar. Ftit tal-ġimgħat ilu daħal fis-seħħ Avviż Legali għar-regolarizzazzjoni ta’ binjiet illegali fl-ODZ.
Dawn il-policies ambjentali ħżiena huma amministrati minn awtoritajiet imnawra li ripetutatment jifirxu t-tapit l-aħmar lill-iżviluppaturi u jinjoraw, kemm il-karbiet tal-għaqdiet u tar-residenti, kif ukoll il-liġijiet ta’ pajjiżna.
L-istituzzjoni li suppost tħares l-ambjent Malti u Għawdxi, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), dejjem rasha baxxuta quddiem l-iżviluppaturi minflok taqdi l-irwol tagħha għall-ħarsien ambjentali. Dan għadu kemm deher biċ-ċar fl-approvazzjoni mill-ERA tal-proġett ta’ Hili Group f’Kemmuna.
L-Awtorità tal-Artijiet, minflok tamministra l-art tal-poplu għall-ġid tal-poplu, tamministraha għall-ġid tan-negozji l-kbar. Żewġ eżempji riċenti huma l-bejgħ bl-irħis ta’ art naturali fil-Mellieħa lill-iżviluppaturi u t-trasferiment ta’ sqaq pubbliku f’San Ġiljan għal proġett atroċi propost flok Villa Rosa.
Is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali mehdija tapprova proġetti li jkissru l-wirt storiku nazzjonali, u li hija stess kienet qed taħdem biex twaqqaf sa sena ilu. Din l-istituzzjoni qiegħda wkoll tonqos milli topponi t-tneħħija ta’ protezzjoni ta’ bini li kien skedat.
L-Awtorità tal-Ippjanar (PA) hija magna tal-permessi li tgħaddi bħal gaffa minn fuq il-komunitajiet u l-ambjent, minflok istituzzjoni li tippjana u tirregola.
It-Tribunal tal-Ippjanar (EPRT), fejn jinstemgħu l-appelli mid-deċiżjonijiet tal-ERA u tal-PA, huwa istituzzjoni farsa nieqsa minn kull indipendenza u kompetenza.
Mhuwiex ġust li nkomplu nitilfu lil pajjiżna minħabba l-ħakma tar-regħba. Sitwazzjoni ambjentali li sejra mill-ħażin għall-agħar teħtieġ azzjoni ġenwina mhux kliem fieragħ u bdiliet kożmetiċi.