Żdiedet it-tensjoni bejn Iżrael u l-militanti ta’ Gaza wara li burraxka ta’ missili laqtu l-inħawi viċin il-belt ta’ Ġerusalemm, f’eskalazzjoni tal-ġlied li ilu għaddej għal kważi ġimgħa fir-reġjun.
Ir-rejds tal-Iżraeljani fuq il-militanti f’Gaza u l-isparar tar-rokits minn dan it-territorju lejn Iżrael mhumiex mistennija jieqfu u minkejja li l-Eġittu. bħalissa, qed iservi bħala medjatur bil-għan li jieqfu l-ostilitajiet reċiproċi.
Din kienet l-ewwel darba li l-missili niżlu qrib ta’ Ġerusalemm mindu żbruffat il-vjolenza ġdida. Ir-rapporti, intant, qalu li missila ‘minn Gaza’ niżlet viċin il-komunità ta’ Bat Ayin għal-Lhud fix-Xatt tal-Punent u meta din iz-zona tinsab xi 16-il kilometru lejn in-nofsinar ta’ Ġerusalemm.
Il-missili inkwistjoni, madankollu, ma ħallew l-ebda vittmi, bl-Iżraeljani, għal darb’oħra, jattakkaw is-siti ta’ Gaza minfejn kienu għaddejjin il-bumbardamenti.
Mietu ‘il fuq minn 30 persuna waqt l-attakki mill-ajru tal-Iżraeljani fuq Gaza mindu Iżrael, nhar it-Tlieta, elimina tliet kapijiet ewlenin tal-grupp militanti Palestinjan bl-isem Ġiħad Iżlamiku. Intant, l-aħħar rapporti qalu li, nhar il-Ħamis, raġel Iżraeljan ukoll inqatel minn missila tal-Ġiħad li kienet sparata lejn l-inħawi ta’ Iżrael man-naħa l-oħra tal-fruntiera.
Sadanittant, il-Ġiħad Iżlamiku qal li l-isparaturi tal-missili lejn Ġerusalemm iridu jittieħdu bħala messaġġ u li kulħadd għandu jifhem l-iskop wara l-azzjoni.
Iżrael jikkunsidra Ġerusalemm bħala l-kapitali tiegħu u l-fatt li din il-belt spiċċat mira għall-militanti fih innifsu jindika eskalazzjoni serja ta’ vjolenza mill-membri tal-Ġiħad,
Din kienet anki l-ewwel darba li r-rokits tal-militanti Palestinjani niżlu ftit ‘il hinn minn Ġerusalemm mindu huma u l-Iżraeljani kienu ġġieldu gwerra ta’ għaxart ijiem, f’Mejju tal-2021.
//= $special ?>