Raġel minn Raħal Ġdid se jkun ikkundannat fil-jiem li ġejjin wara li ammetta li hedded lill-uffiċjali tal-LESA b’imitazzjoni ta’ arma tan-nar minħabba multa fuq l-iskart. George Annati ta’ 65 sena tressaq il-Qorti taħt arrest quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit.
Fl-Qorti ngħad kif il-Ħamis filgħodu, Annati kien irreaġixxa b’mod vjolenti wara li nħarġet ċitazzjoni fuq skart minn żewġ uffiċjali tal-LESA liebsa pajżana li qabduh jarmi borża taż-żibel f’kantuniera ta’ triq. L-Ispetturi Paul Camilleri u Antonello Magri akkużaw lil Annati li ġarr arma tan-nar waqt li wettaq reat kontra impjegati pubbliċi li kienu qed jaġixxu fil-qadi ta’ dmirijiethom, li insulentahom u hedded liż-żewġ uffiċjali tal-LESA u rreżistuhom b’mod vjolenti.
Ir-raġel hu mifhum li l-ewwel wissa lill-uffiċjali li jekk il-borża ma kinitx se tinġabar, kien se jbattalha fit-triq, qabel ma pproċeda biex iwettaq it-theddida tiegħu. Wara li ngħata ċitazzjoni, huwa kien irritorna fil-garaxx tiegħu, ħareġ dik li dehret li kienet pistola u għmilha fuq ras wieħed mill-uffiċjali tal-LESA, li sa dak il-ħin kien mar lura fil-karozza tiegħu.
Iktar tard instabet li l-arma kienet imitazzjoni ta’ pistola. Annati, li għalih kienet qed tidher vukat Josette Sultana, bħala għajnuna legali ammetta l-każ. Il-każ ġie differit għas-sentenza, b’Annati jingħata l-libertà proviżorja kontra garanzija personali ta’ €10,000. Inħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni favur l-uffiċjal li spiċċa mhedded. L-Avukat Ryan Ellul deher bħala rappreżentat lill-LESA fil-proċeduri.
//= $special ?>