Il-Qorti Kostituzzjonali ċaħdet appell ta’ Yorgen Fenech li qal li kien hemm ksur tad-drittijiet fundamentali tiegħu għal smigħ xieraq skont il-Kostituzzjoni u l-Konvenzjoni Ewropea. Dan meta kien qed jikkontendi li l-Avukat Ġenerali pparteċipa fl-għażla tal-Imħallef Edwina Grima biex tieħu f’idejha l-proċess tal-każ u li quddiemha jinstema’ l-ġuri meta jiġi appuntat għas-smigħ.
L-Imħallfin Giannino Caruana Demajo, Tonio Mallia u Anthony Ellul li d-deċiżjoni ta’ min se jisma’ l-ġuri saret skont il-liġi għax kienet l-għażla tal-Prim Imħallef Mark Chetcuti biss u li l-liġi ma tagħti ebda setgħa lill-Avukat Ġenerali fl-għażla tal-Imħallef, u alla ħares dan ikun il-każ.
L-appell mill-Avukati ta’ Yorgen Fenech sar wara deċiżjoni mogħtija f’Novembru li għadda mill-Prim Awla tal-Qorti Ċivili. Fenech li jinsab mixli fl-involviment tiegħu fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia qal li hija inġustizzja gravi u kontra kull sens ta’ smigħ xieraq li l-Prosekutur tar-Repubblika – l-Avukat Ġenerali (li huwa l-persuna li ħareġ
l-att tal-akkuża kontrih) ipparteċipa direttament jew indirettament fl-għażla tal-Imħallef.
Il-Qorti Kostituzzjonali qalet li filwaqt li dan ma kienx il-każ, il-liġi ma tagħti ebda rwol jew setgħa, la lill-Avukat Ġenerali u lanqas, meta l-Prim Imħallef jkun għamel rakkomandazzjoni lill-Ministru tal-Ġustizzja dwar l-għażla ta’ imħallef meta dan se jkun qed jieħu post ieħor li rrinuzja li jisma l-ġuri, kif ġara f’dan il-każ.
Prassi żbaljat li att jinbagħat lill-AĠ meta m’għandu x’jaqsam xejn
Il-Qorti qalet li f’dan il-każ intbagħat att lill-Avukat Ġenerali minn uffiċjal tar-reġistru tal-qorti għax dik hija l-prassi. “Prassi żbaljata riżultat tal-mentalità xi ftit jew wisq prevalenti fl-amministrazzjoni tal-Qorti illi “hekk
inkomplu nagħmlu għax dejjem hekk għamilna” u, f’dan il-każ, sfortunatment, prassi li tintuża’ mill-Avukat Ġenerali li messu mill-ewwel bagħat l-atti lura b’nota li ma hemm ebda lok għall-intervent tiegħu fil-materja.
Minflok, mexa mal-prassi bla ma ra jekk għandhiex bażi legali, l-istess mentalità li toħloq formalitajiet żejda u nuqqasijiet li huma fost il-kawżi ewlenin tal-ineffiċjenza tas-sistema. Biex jitneħħa kull dubju għall-ġejjieni, l-Qorti Kostituzzjonali tgħid espressament li l-Prim Awla tal-Qorti Ċivili kienet żbaljata meta qalet li “l-firma [tal-Avukat Ġenerali kienet meħtieġa sabiex jitkompla l-proċess tan-nomina.”
Is-sentenza tgħid ukoll li r-reġistratur tal-qorti ma kiex korrett meta tenna illi “qabel ma jkun hemm il-firem kollha l-att ma jkmurx għand il-President ta’ Malta” u għamel ħażin l-Avukat Ġenerali li ffirma l-att. Il-firma meħtieġa hija biss dik tal-Prim Imħallef biex din tmur għand il-President ta’ Malta, hi x’inhi l-prassi li daħlet.
F’dan ilpkaż l-għażla tal-imħallef saret mill-Prim Imħallef qabel ma ttieħdet l-inizjattiva żbaljata li l-att relativ jintbagħat lill-Avukat Ġenerali. Dan diġà kien biżżejjed biex jorbot lill-President ta’ Malta biex jimxi “fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Prim Imħallef” skont il-Kostituzzjoni, li tgħid illi setgħat tal-President ta’ Malta dwar Imħallfin li jingħataw il-ħatra wara li xi Mħallef ikun astjena “għandhom ikunu eżerċitati fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Prim Imħallef”.
Ukoll li kieku lill-Avukat tal-Istat l-għażla ma għoġbitux, ma seta’ jagħmel xejn biex jibdilha. Il-kawża effettiva tal-għażla tal-Imħallef kienet id-deċiżjoni tal-Prim’Imħallef, u ħadd ma seta’ jibdel dik l-għażla. Il-liġi ssejaħ din l-għażla tal-Prim Imħallef bħala “rakkomandazzjoni” iżda hija rakkomandazzjoni li torbot.
Vetting mill-AĠ li sar għalxejn
L-Avukat Ġenerali ma kellu ebda rwol, dirett jew indirett, f’dik l-għażla, u ma kellu ebda setgħa li jibdilha u lanqas il-President ta’ Malta ma kellu għażla joqgħodx jew le fuq ir-rakkomandazzjoni għax is-setgħat tiegħu “għandhom ikunu eżerċitati fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Prim Imħallef”, tgħid is-sentenza.
Effettivament mela, il-‘legal vetting’ li seta’ għamel l-Avukat Ġenerali kien biss eżerċizzju vojt, inutli u irrelevanti għax ma seta’ jibdel xejn u ma bidel xejn. Serva biss biex ħoloq dan l-episodju inutli għax l-Avukat Ġenerali qagħad fuq il-prassi bla ma qabel ra xi tgħid il-liġi. Il-qorti għalhekk ċaħdet l-appell.
Yorgen Fenech kien ġie arrestat fl-2019 u jinsab mixli bl-involviment tiegħu fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, li nqatlet permezz ta’ karozza bomba fis-16 ta’ Ottubru 2017. Il-Qorti Kostituzzjonali qalet dwar dak li qal Yorgen Fenech li l-Avukat Ġenerali għandu rwol fl-għażla tal-Imħallef, kieku minnu għandu raġun li l-imparzjalità oġġettiva tal-qorti tkun kompromessa, iżda jekk le, u jekk l-Avukat Ġenerali ma għandu ebda vuċi dwar l-għażla tal-imħallef, mela l-proċess jibqa’ integru.
L-argumenti ta’ Yorgen Fenech kienu jiksbu relevanza biss jekk l-Avukat Ġenerali għandu rwol, dirett jew indirett, li jista’ b’xi mod ikollu effett fuq l-għażla tal-imħallef inkwistjoni. Il-liġi ma tagħti ebda rwol jew setgħa, la lill-Avukat Ġenerali u lanqas, meta l-Prim Imħallef ikun għamel rakkomandazzjoni lill-Ministru tal-Ġustizzja.
Tliet persuni –l-aħwa Alfred u George Degiorgio u Vincent Muscat – diġà ammettew l-involviment tagħhom fil-qtil. Yorgen Fenech kien qed jargumenta li minħabba li l-istess Avukat Ġenerali li ħareġ l-att ta’ akkuża kontrih kien ivverifika n-nomina tal-Imħallef Edwina Grima biex tippresjedi l-ġuri tiegħu b’ġurija, allura d-dehra ta’ imparzjalità ma kinitx għadha preżenti.
L-Imħallef Grima ġiet nominata biex tippresjedi l-kawża wara li l-Imħallef Aaron Bugeja kien astjena. Fir-rikors tiegħu, l-avukati Gianluca Caruana Curran, Marion Camilleri u Charles Mercieca saħqu kemm-il darba li ma kinux qed jiddubitaw l-integrità suġġettiva u l-imparzjalità tal-imħallef Grima, iżda qalu li qed jistaqsu jekk il-qorti “għandhiex is-serħan tal-moħħ bid-dehra ta’ indipendenza u imparzjalità jew l-objettiv ta’ mparzjalità meħtieġa minn qorti.”
L-avukati argumentaw li minkejja li ma kellu l-ebda obbligu legali li jagħmel dan, l-Avukat Ġenerali kien għażel li jwettaq eżami legali tal-persuni nominati – kontra dak li l-ewwel qorti kienet iddeskriviet ir-rwol tal-AĠ bħala “messaġġier”. “Hu enfasizzat li d-dehra ta’ indipendenza ġiet imminata mill-indħil tal-Avukat Ġenerali fil-proċess tan-nomina. Huwa dan il-proċess li qed jiġi kkontestat permezz ta’ dawn il-proċeduri kostituzzjonali,” skont l-istess Fenech.
//= $special ?>