Lokali Saħħa

“L-infermiera tagħna. Il-futur tagħna”

Fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali tal-Infermiera, il-Kunsill tal-Infermiera u l-Qwiebel ta’ Malta jixtieq jirrikonoxxi u jfaħħar il-kontribut indispensabbli tal-infermiera fis-servizzi kollha tas-saħħa f’Malta u Għawdex.

Fi stqarrija li ħareġ il-Ġimgħa filgħodu, il-Kunsill tal-Infermiera u l-Qwiebel qal li bla dubju l-infermiera huma l-pedament tas-servizzi kollha tas-saħħa. L-infermiera huma wkoll l-unika professjoni li jqattgħu l-aktar ħin mal-pazjenti tagħhom. L-infermiera huma indispensabbli u l-ebda servizz tas-saħħa ma jista’ jeżisti mingħajr infermiera kwalifikati.

It-tema magħżula għall-Jum Internazzjonali tal-Infermiera ta’ din is-sena “L-Infermiera tagħna. Il-Futur Tagħna” tassew jixraq ħafna. L-infermiera jmissu l-ħajja ta’ tant nies li għandhom bżonn is-servizzi, l-appoġġ, il-kompassjoni u l-kura professjonali tagħhom. Ħafna drabi, dan isir fis-skiet u b’kunfidenzjalita’…u bir-raġun. Kull persuna matul ħajjitha tiġi f’kuntatt ma’ infermier. L-infermiera huma privileġġjati li jkunu preżenti qabel it-twelid u anke immedjatament wara l-mewt. Huma jakkumpanjaw lill-umanità f’mumenti ta’ ferħ imma ħafna drabi aktar waqt l-aktar mumenti vulnerabbli u ta’ sfida.

Kif irrimarka sewwa l-Papa Franġisku “L-infermiera huma esperti fl-umanità. L-infermiera huma qrib it-tbatija. Huma jifhmu t-tbatija. Huma jafu jakkumpanjaw it-tbatija b’qalb tajba u tenera minħabba l-qrubija tagħhom mal-pazjenti tagħhom” (Konvenzjoni tal-Infermiera)

Il-Kunsill Malti għall-Infermiera u l-Qwiebel jixtieq isellem lill-infermiera kollha għall-isforzi bla heda tagħhom biex jipprovdu l-aħjar kura possibbli lill-pazjenti.

“Lill-infermiera kollha f’Malta nirringrazzjawkom talli għamiltu d-differenza. Grazzi talli intom l-eroj tagħna.”