Lokali Saħħa

L-iscreening tal-Glaucoma ilu jintuża b’suċċess għal 29 sena

Permezz ta’ stqarrija maħruġa l-Ħamis filgħodu, l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Oftalmologija tirreferi għall-istqarrija għall-istampa maħruġa mid-Dipartiment tal-Informazzjoni dwar it-“tnedija” fid-9 ta’ Mejju, ta’ programm Nazzjonali għall-iscreening tal-Glaucoma u tixtieq tiċċara ċerti fatti li tħallew barra f’din it-tnedija.

Fil-verità, il-Programm Nazzjonali ta’ screening għall-Glaucoma ġie stabbilit fl-1994, u mhuwiex veru li dan is-servizz ġie mniedi 3 ijiem ilu.

L-iscreening tal-Glaucoma kien sar possibbli taħt Gvern Nazzjonalista permezz ta’ inizjattiva ta’ diversi professjonisti tal-kura tas-saħħa, partikolarment il-mibki Richard Soler u Martin Francalanza, bis-saħħa ta’ fondi u t-tagħmir kollu meħtieġ mogħti lid-Dipartiment tas-Saħħa mill-Malta Lions Club.

Huwa ta’ dispjaċir li d-Dipartiment tal-Informazzjoni ta l-impressjoni li dan il-programm tnieda fid-9 ta’ Mejju meta ilu jintuża b’suċċess minn eluf ta’ pazjenti għal dawn l-aħħar 29 sena.

L-inizjattiva preżenti għalhekk hija estensjoni ta’ servizz li ilu fis-seħħ għal ħafna snin. Qabel, dan l-iscreening kien disponibbli mis-sitt Ċentri tas-Saħħa ewlenin f’Malta jiġifieri l-Furjana, il-Mosta, B’Kara, il-Gżira, Raħal Ġdid u Ħal Qormi, u issa se jkun disponibbli wkoll minn numru ta’ Kliniki tal-Komunità li jagħmlu l-aċċessibbiltà aktar faċli għall-pazjenti.