Illum il-ġurnata, anke minħabba li n-numru ta’ barranin eleġibli żdied matul is-snin, minbarra dawk il-barranin li jkunu nżammu mit-timijiet rispettivi tagħhom, jew li jkunu biddlu l-klabb wara li jkun diġa kellhom esperjenza f’pajjiżna, naraw numru ta’ barranin li jinġiebu f’Malta għall-ewwel darba.
Wieħed jista’ jgħid li dan ikun ta’ riskju anke għall-fatt li sal-lum il-klabbs tagħna joqgħodu fuq dak li jgħidulhom l-aġenti jew l-aktar fuq filmati li jkunu intbagħtulhom.
Minkejja dan, minbarra dawk li ma jkunux xi speċjalità u saħansitra ġieli lanqas biss ikunu aħjar mill-plejers Maltin, ikun hemm dawk il-barranin li mill-ewwel jispikkaw u li jagħmlu d-differenza meħtieġa fit-tim li jkun tagħhom il-fiduċja.
Dawn huma l-aktar ħames barranin ġodda li fl-opinjoni tagħna spikkaw fil-Kampjonat Premier matul l-istaġun li għadu kif intemm.
Angel Torres – Balzan

Attakkan Kolombjan ta’ 23 sena, li jalterna minn mal-linja għal ġol-kaxxa avversarja bl-aħjar karateristiċi tiegħu huma bla dubju d-dribbling kif ukoll ix-xamma għall-gowl, fejn skorja total ta’ 14-il gowl fl-ewwel staġun tiegħu f’pajjiżna. Il-gowls ta’ Torres kollha kellhom l-importanza tagħhom għal Balzan, iżda l-aktar wieħed importanti żgur li kien dak skorjat fid-decider għal post fl-Ewropa kontra Hibernians.
Ángel Yesid Torres Quiñones beda l-karriera tiegħu ma’ Real Academia f’pajjiżu, qabel ingħaqad ma’ Porto, fejn lagħab ukoll mal-iskwadra B u kien ukoll parti mill-iskwadra ta’ taħt l-20 sena ta’ Porto li rebħet l-U19 UEFA Champions League. Fl-istaġun li għadda, Torres lagħab għal FC Alverca tal-Portugall.
Bla dubju li jekk Balzan iridu javvanzaw fil-Conference League kif ukoll itejbu l-pożizzjoni tagħhom l-istaġun li ġej, jeħtieġ li jikkonfermaw lil Torres, li jidher li anke klabbs barranin tefgħu ħarsithom fuqu. Angel Torres rebaħ l-unur tal-aqwa plejer barrani fl-MFA Awards.
Roko Prsa – Ħamrun Spartans

Plejer ieħor li spikka fl-ewwel staġun tiegħu fil-kampjonat Malti u li kien ukoll wieħed min-nomintati għall-unur tal-aqwa plejer barrani tal-MFA, huwa l-midfielder Kroat taċ-champions Ħamrun Spartans Roko Prsa. Il-midfielder ta’ 27 sena mill-ewwel ura l-potenzjal tiegħu waqt il-logħob tal-Europa Conference League fejn, minbarra li skorja żewġ gowls, wieħed kontra Alashkert u ieħor kontra Partizan, kien surmast fil-midfield fejn flimkien ma’ Guillaumier bdew ħafna mill-attakki ta’ Ħamrun. Dawn il-prestazzjonijiet kienu konsistenti anke matul l-istaġun li għadda, tant li Prsa daħal fil-qlub tal-Ħamruniżi u nistgħu ngħidu li hu wieħed mill-plejers favoriti tagħhom. Roko Prsa huwa plejer imħarreġ fl-akkademja ta’ Dinamo Zagreb fil-Kroazja u fost esperjenzi fil-karriera tiegħu lagħab ma’ diversi klabbs f’pajjiżu kif ukoll kellu esperjenzi fl-Istati Uniti u fl-Islovenja.
Enzo Cabrera – Birkirkara

Wara Ħamrun, dan l-istaġun bla dubju li l-aħjar tim kien Birkirkara, li għalkemm ħafna ħasbu li se jkunu diżappunt, spiċċaw biex rebħu l-FA Trophy u, għalkemm b’distakk ta’ 19-il punt, spiċċaw fit-tieni post u rritornaw f’kompetizzjoni Ewropea. L-Istripes fis-sajf wettqu numru ta’ akkwisti ġodda fil-maġġoranza tagħhom barranin u li rnexxew bħal Oswaldo Iorio u Allesandro Coppola, iżda bla dubju li l-aktar plejer li kien ta’ għajnuna għas-suċċessi tagħhom kien l-attakkant Arġentin Enzo Cabrera. Prodott ta’ Newell’s Old Boys, li mingħandhom ġie misluf lil Birkirkara, Cabrera lagħab 15-il darba fil-Primera División tal-Arġentina. Mal-iskwadra ewlenija lagħab ukoll fil-Copa Sudamericana, il-Copa Argentina, il-Copa Superliga, il-Copa de la Liga kif ukoll fis-Superliga.
Huwa wasal sal-ogħla livell tal-futbol fl-Arġentina wara li l-prestazzjonijiet tiegħu wassluħ biex f’perjodu qasir ikun promoss l-ewwel mal-iskwadra ta’ taħt l-20 sena ta’ Newell’s Old Boys, imbagħad mal-iskwadra tar-riservi u eventwalment mal-iskwadra ewlenija. Dan l-istaġun Cabrera skorja 17-il gowl bejn Kampjonat u FA Trophy għall-iskwadra mmexxija minn Giovanni Tedesco u kien ukoll involut f’ħafna mill-gowls li skorjaw Birkirkara fejn provda wkoll 6 assists. Wieħed irid jara issa jekk Birkirkara jirnexxielhomx jestendu l-kuntratt b’self ta’ dan il-plejer li żgur ikun ta’ għajnuna fl-avventura tagħhom fl-Europa Conference League.
Charles Lokoli Ngoy – Żebbuġ Rangers

Charles Lokoli Ngoy, attakkant Awstraljan ta’ 26 sena li fl-ewwel esperjenza tiegħu fl-Ewropa skorja 11-il gowl, aktar min-nofs il-gowls li skorjaw it-tim relegat għaċ-Challenge League Żebbuġ Rangers. Minbarra l-konlużjonijiet perikolużi tiegħu, Lokoli Ngoy huwa plejer b’saħħtu li jirbaħ ħafna mid-dwelli fiżiċi mal-avversarju kif ukoll tajjeb fl-arja, fejn skorja wkoll diversi gowls bir-ras.
Matul il-karriera tiegħu, Lokoli Ngoy rebaħ l-A-League, li hi l-ogħla diviżjoni tal-Awstralja, kif ukoll l-Australia Cup ma’ Sydney FC. Matul is-suq ta’ trasferimenti ta’ Jannar, Żebbuġ irreżistew offerti lokali għal-Lokoli Ngoy bit-tama li jsalvaw posthom mal-kbar, tragward li sfortunatament għalihom ma’ tlaħaqx.
Michael Okoh Chidera – Mosta

Mosta huma magħrufa li jġibu numru kbir ta’ plejers mill-Afrika u fis-sajf li għadda ġabu xejn inqas minn disa’ plejers Afrikani, mill-Kamerun, in-Niġerja u l-Ghana. Fil-fatt din is-sitema fl-aħħar snin ħalliet il-frott għal Mosta hekk kif wieħed mill-aqwa plejers fil-Kampjonat huwa l-attakkant Christ Ememe, li keinu ġabuh ta’ eta’ żgħira min-Niġerja frott kollaborazzjoni ma‘ akkademji f’dan il-pajjiż.
Wieħed mill-barranin li nġieb dan l-istaġun kien il-midfielder avvanzat ta’ 20 sena Micheal Okoh Chidera. Okoh lagħab 15-il partita fil-kampjonat u skorja 9 gowls filwaqt li skorja 5 gowls oħra f’ 4 partiti fl-FA Trophy. Tnejn minn dawn il-gowls ġew skorjati fis-semi finali kontra Birkirkara li l-Istripes rebħu 4-3 fl-aħħar minuti. Jidher li Okoh se jkun wieħed mill-plejers Afrikani li bħal Ememe se jittrasforma f’wieħed mill-aqwa barranin f’pajjiżna.
//= $special ?>