Id-deal skandaluż tat-tliet sptarijiet.
U l-patt imxajtan li sar bejn Robert Abela u dawk ta’ qablu.
Dawn kollha seħħew fi ftit ġimgħat taħt Gvern ta’ Robert Abela; sitwazzjonijiet li wasslu biex il-Prim Ministru Robert Abela spiċċa mitluf jipprova jara kif se jaħbi l-ħmieġ tal-Gvern tiegħu stess minflok jaħdem favur pajjiżna. Tant li l-poplu Malti u Għawdxi spiċċa minsi u mwarrab mill-politika ta’ Robert Abela.
Meta ġie intervistat fuq Net FM, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech qal kif Robert Abela mhux qiegħed hemm għall-poplu Malti u Għawdxi iżda qiegħed hemm għalih u għal tal-qalba.
U fid-dawl ta’ dan kollu, meta suppost għandna Kummissarju tal-Pulizija li qed jinvestiga, minflok għandna Kummissarju tal-Pulizija li mhux jgħaqdi d-dover tiegħu u minflok qed jagħżel li jkun kompliċi mal-patt imxajtan ta’ Robert Abela.
“Min ma jagħmel xejn ħażin m’għandux għalfejn jinkwieta,” qal Bernard Grech. “Iżda dawk li jagħmlu għemil ħażin, għandhom jiġu investigati.”
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li għandna Prim Ministru li tant hu mifxul biex jaħbi għemilu u għemil sħabu li m’għandux moħħ biex jindirizza l-isfidi li l-poplu Malti u Għawdxi għaddejjin minnhom.
“Is-saltna tad-dritt tfisser li ssaltan il-liġi u mhux isaltan dak li jixtieq il-Prim Ministru għal tal-qalba,” qal Bernard Grech. “Il-liġi qiegħda hemm biex iżżomm l-istatus, ir-rispett u l-ordni. L-azzjonijiet tagħna dejjem għandhom il-konsegwenzi.”
Bernard Grech qal kif għandna bżonn gvern li jara x’inhuma l-isfidi ta’ kull individwu f’pajjiżna u jassigura li jkun hemm inċentivi biex in-nies ikunu jistgħu jimxu ‘l quddiem.
“Il-Partit Nazzjonalista jrid l-ġid tal-poplu kollu għax il-poplu dejjem kien u jibqa’ fiċ-ċentru tal-ħsieb tagħna,” temm jgħid Bernard Grech.