Żewġ aħwa fuq btala f’Malta tilfu t-titjira tagħhom lura d-dar u minflok spiċċaw il-qorti wara li marru f’sakra u kkomeetew madwar €2,000 f’ħsarat f’vetturi pparkjati qrib it-terminal tal-cruise liners tal-Belt Valletta. Yann Jean-Marie u Morgan Michel Gilbert, ta’ 30 u 32 sena rispettivament, it-tnejn Franċiżi, kienu fil-mira bħala s-suspettati li jaqblu mad-deskrizzjoni mogħtija minn persuna li ċemplet lill-pulizija fis-sigħat bikrin tal-Ħamis filgħodu biex tirrapporta t-tkissir.
Filwaqt li aġixxit fuq ir-rapport li wasal l-għassa tal-Belt Valletta għall-ħabta tas-2am, il-pulizija marret lejn l-inħawi qrib ix-Xatt ta’ Lascaris, fejn innotat il-ħsara. Numru ta’ vetturi kienu tkissru mirja, mutur inqaleb, u wkoll mejda u kontenitur taż-żibel barra pastizzerija ġew fil-mira.
L-uffiċjali mbagħad lemħu żewġt irġiel jitilgħu fejn l-Għolja tal-Kurċifiss. L-irġiel, li kienu fi stat ta’ sakra, qabblu mad-deskrizzjoni mogħtija lill-pulizija. Kienu turisti li kellhom itiru lura d-dar nhar il-Ġimgħa iżda minflok spiċċaw il-Qorti jiffaċċjaw akkużi talli volontarjament għamlu ħsara lil xi tmien vetturi u propjetà oħra ta’ terzi, kif ukoll li kienu fis-sakra fil-pubbliku.
It-tnejn wieġbu ħatja. Il-prosekuzzjoni infurmat lill-qorti li l-ko-akkużat kien ħallas l-ispejjeż li jammontaw għal madwar €2,100. Fid-dawl tal-ammissjoni bikrija u l-fatt li d-danni lil terzi kienu ġew solvuti b’mod sħiħ, il-qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit, ikkundannat lil kull wieħed għal sena ħabs sospiża għal sentejn. L-Avukat Josette Sultana kienet avukat tal-għajnuna legali.
//= $special ?>