Knisja Lokali

Il-Knisja Kattolika tilqa’ fi ħdanha tliet saċerdoti ġodda

Il-Knisja Kattolika Maltija s-Sibt filgħodu laqgħet fi ħdanha tliet saċerdoti ġodda, li ġew ordnati mill-Arcisqof Charles Scicluna waqt Quddiesa li kienet iċċelebrata fil-Konkatidral ta’ San Ġwann.

Is-saċerdoti l-ġodda huma Fr. Gylan Camilleri mill Parroċċa ta’ Sant’Anna, Wied il Għajn, Fr. Clive Seychell mill-Parroċċa ta’ San Ġużepp, il-Kalkara u d-Duminkan Ian Zammit.

Quddiem bosta qraba u ħbieb li nġabru fil-Katidral imżejjen mill-isbaħ bl-arazzi li bħalissa qegħdin esibiti f’dan it-tempju, Charles Scicluna qal li dawn it-tliet saċerdoti qed ikunu msejħa għal din l-imħabba għax Alla ħabbhom l-ewwel hu. Saħaq li l-missjoni tagħhom hija li jkunu xempju ta’ mħabba… missjoni li ġejja mill-fidi li Alla l-Imbierek ħabbna l-ewwel hu. 

L-Arċisqof qal li wieħed ma jistax iħobb lil Alla jekk ma jħobbx lil ħutu. Huwa appella lit-tliet saċerdoti ġodda sabiex dejjem jitolbu lil Alla jħarishom f’kull pass li jagħmlu matul ħajjithom.

Charles Scicluna qal li s-saċerdot mhux imsejjaħ biex ikun ‘superman’ imma li jagħmel ħiltu taħt id-dell tal- ubbidjenza biex jaqdi lil Ġesù.

Matul din iċ-ċerimonja t-tliet saċerdoti ġeddew l-wegħdiet taghhom quddiem l-Arcisqof filwaqt li indilku biż-żejt tal-ġriżma.

Intant fis-16 ta’ Ġunju ssir l-ordinazzjoni presbiterali ta’ saċerdot ieħor…  Jean Paul Mutumbo fl-Oratorju Salesjan, Tas-Sliema.