Lokali Mużika

Illejla l-finali tal-Eurovision Song Contest

Illejla fl-M&S Arena f’Liverpool issir il-finali tas-67 edizzjoni tal-Eurovision Song Contest fejn ikun magħruf ir-rebbieħ ta’ dan il-festival tant prestiġjuż segwit madwar id-dinja kollha.

Din hija d-disa’ darba li dan il-festival qed isir fir-Renju Unit.. hekk kif fil-passat kien sar erba’ darbiet f’Londra, kif ukoll f’Edinburgh, fi Brighton, f’Harrogate u f’Burmingham.

Fil-finali tal-lejla se jkunu qed jieħdu sehem 26 pajjiż fosthom l-Ukrajna, il-pajjiż li rebaħ is-sena li għaddiet flimkien ma’ dawk imsejħa l-‘big five’, jiġifieri l-Ingilterra, l-Italja, il-Ġermanja, Spanja u Franza. Dawn jingħaqdu mal-pajjiżi li klassifikaw fl-ewwel għaxar postiijet fiż-żewġ semi-finali li saru t-Tlieta u l-Ħamis.

Minħabba l-esklużjoni tar-Russja, pajjiż li kien joħroġ somom kbar ta’ flus għall-organizzazzjoni ta’ din il-festival, issa żdied il-ħlas ta’ kull pajjiż sabiex jipparteċipa. Dan wassal sabiex il-Montenegro u l-Maċedonja ta’ Fuq ….proprju minħabba raġunijet finanzjarji…jipparteċipawx.

Il-preżentaturi tal-finali se jkunu Alesha Dixon, Julia Sanina u Jannah Waddingham. U fost il-mistiedna speċjali se jkun hemm il-grupp Kalush Orchestra, Sam Ryder kif ukoll eks parteċipanti f’edizzjoni imgħoddija tal-Eurovision fosthom Mahmood, Cornelia Jacobs, Duncan  Laurence u Netta.

Sfortunatament Malta,  mhux se tkun qed tieħu sehem fis-serata tal-lum minħabba li fl-ewwel semi-finali, minkejja prestazzjoni mill-aqwa, The Busker m’għaddewx mal-ewwel għaxra. U din se tkun id-disa’ darba li pajjiżna ma wasalx sas-serata finali.

L-Awstrija se jkun il-pajjiż li se jiftaħ din is-serata, bl-Italja se tkanta fil-11-il post filwaqt li l-Ingilterra se tkun qed tagħlaq dan il-festival.

Fost il-favoriti li jirbħu l-edizzjoni ta’ din is-sena hemm l-Izveżja bil-kantanta Loreen.. li wkoll kienet rebħet dan il-festival fl-2012.

Anke il-Finlandja hija favorita, bil-kanzunetta Cha Cha Cha.