Għal din is-sena ix-xahar ta’ April kien differenti mis-snin ta’ qabel dan hekk kif kien xahar li matulu niżlet aktar xita kif ukoll esperjenzajna temperaturi baxxi.
Fi stqarrija maħruġa mill-Uffiċju Meterjoloġiku intqal li l-ewwel ġimgħa ta’ April ġabet magħha l-aktar ġurnata mxarrba, l-aktar temperatura baxxa kif ukoll l-aktar buffura ta’ riħ b’saħħitha… temp li mhuwiex assoċjat mal-istaġun tar-rebbiegħa.
Wara l-bidu xott li kellna fir-rebbiegħa ta’ din is-sena, f’April niżlet 28.6mm ta’ xita…9.9mm xita aktar minn norma.
Barra minn hekk, it-tieni ġurnata ta’ April kienet l-aktar waħda mudlama hekk kif dakinhar kellna biss sagħtejn ta’ xemx. Minn naħa l-oħra l-unika maltempata bir-ragħad li kellna matul ix-xahar ta’ April kienet matul il-ħames jum.
L-inqas temperatura f’April niżlet għal 8.6°C u kienet imkejla fis-seba’ jum tax-xahar, filwaqt li l-ogħla temperatura laħqet l-24.6°C fit-tieni nofs tax-xahar.
It-temperatura medja kienet ta’ madwar 16-il grad celcius li jfisser li April kien aktar kiesaħ mis-soltu dan hekk kif is-soltu t-temperatura medja tkun ta’ 16.4-il grad celcius.
Mill-banda l-oħra, it-temperatura medja tal-baħar, kienet 0.4°C ogħla min-norma ta’ 16.3°C.
Minkejja li t-temp xitwi kaxkar aktar mis-soltu, April kien xemxi iżjed min-norma hekk kif is-sigħat xemxin imkejla ammontaw għal madwar 270 siegħa.
Intant, għalkemm ħafna ħasbu li se nibdew ingawdu temp sajfi aktar kmieni mis-soltu, l-ewwel nofs ta’ Mejju kien bil-ħalbiet tax-xita b’temperatura li qed tvarja sew.
//= $special ?>