Wara s-Sindki tal-Gżira u x-Xagħra Għawdex, Sindku ieħor tal-Labour ħareġ apertament jikritika l-mod kif qed isiru l-affarijiet fejn jidħol l-ippjanar u l-bini fil-lokalitajiet – b’appell ġenwin sabiex jinstab bilanċ u l-affarijiet jibdew isiru bi pjan.
Din id-darba, kien is-Sindku ta’ Raħal Ġdid Dominic Grima illi ma żammx lura fi kliemu u nsista li n-nies tal-lokal ma jifilħux aktar.
Mat-Times, Grima wissa dwar il-bosta “studio appartments” li qed jiġu żviluppati fil-lokal – appartamenti vera żgħar, ħafna minnhom b’kamra waħda, li qed jiġu żviluppati minflok djar antiki li qed jitwaqqgħu.
Is-Sindku tal-Labour insista li l-iżvilupp bla rażan joħloq pressjoni fuq l-infrastruttura, problemi enormi ta’ parkeġġ u konġestjonijiet ta’ traffiku f’zona li diġa’ għandha problemi enormi minħabba traffiku f’kull ħin tal-ġurnata.
Grima mhux l-ewwel Sindku Laburista li fl-aħħar jiem tkellem b’mod ċar dwar dawn il-problemi reali bis-Sindku Laburista tal-Gżira Conrad Borg Manche jinsisti li anke hu ma jistax jagħlaq ħalqu u jħalli kollox għaddej.
Ix-xahar li għadda…is-Sindku Laburista tax-Xagħra Għawdex Christian Zammit spiċċa irriżenja mill-Kunsill Lokali u minn President tal-Kumitat Reġjonali Laburista f’Għawdex għax skont hu, tal-Labour bdew jarawh bħala xkiel.
Zammit kien kiteb fuq il-media socjali illi għażel li jħabbar ir-riżenja tiegħu sabiex iwarrab mis-saqajn. B’sorsi jikkonfermaw ma’ Net News li l-eks Sindku spiċċa warrab wara li l-klikka ta’ Robert Abela provat issiktu.
//= $special ?>