Lokali

“Ma nistgħux ninsew il-Malti barra minn xtutna” – Peter Agius

“Il-Malti huwa lsien uffiċjali tal-Unjoni Ewropea iżda jekk ma nużawhx se jitlef l-importanza tiegħu u ma jibqax jintuża fl-istituzzjonijiet Ewropej. Iż-żgħażagħ għandhom dritt li jkunu parti mid-demokrazija Ewropea.”

Dan kien l-appell tal-kandidat għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew Peter Agius f’ittra indirizzata lis-16-il segretarju permanenti tal-Gvern.

Fl-ittra tiegħu Peter Agius spjega kif il-Kummissjoni Ewropea obbligata bit-Trattati li tirrispondi liċ-ċittadini kif ukoll lill-amministrazzjonijiet nazzjonali bil-Malti meta korrispondenza tkun miktuba bil-Malti.

Iżda dan mhux qed isir … għaliex l-uffiċċji tal-Gvern qed jiktbu dejjem bil-lingwa Ingliża bir-riżultat li l-Malti qed iċedi d-drittijiet tiegħu bħala lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Peter Agius saħaq li ma hemm l-ebda pajjiż ieħor fl-Ewropa li jċedi d-drittijiet tal-lingwa tiegħu b’dan il-mod.

Hawnhekk Peter Agius qal li din il-prattika mhux biss qed ittappan id-dinjità tal-lingwa Maltija bħala lingwa uffiċjali iżda qed twassal ukoll biex diversi servizzi tal-Kummissjoni Ewropea jagħżlu li ma jdaħħlux Maltin magħhom għax sempliċement ma jarawx bżonn.

Hu qal illi din hija l-agħar ħaġa li nistgħu nagħmlu biex noħolqu opportunitajiet ta’ xogħol għaż-żgħażagħ Maltin li jixtiequ jaħdmu mal-Istituzzjonijiet Ewropej.

Peter Agius insista li ż-żgħażagħ għandhom dritt ikunu parti mid-demokrazija kbira Ewropea u l-lingwa Maltija tista’ żżid dawn l-opportunitajiet għal professjonisti Maltin madwar l-Ewropa kif ukoll f’pajjiżna.