Futbol Sport

Premier League Ingliż: Pass kbir ‘il quddiem minn Man Utd fil-ġlieda għall-ewwel erbgħa

(Ritratt: EPA)

Manchester United pattew għaż-żewġ telfiet konsekuttivi li sofrew jiem ilu fil-kampjonat b’rebħa mistħoqqa, 2-0, fuq Wolverhampton Wanderers. Madankollu, ir-Red Devils ikollhom jistinkaw aktar milli mistenni ma tim li, qabel, kien irnexxielu jsalva postu fil-kampjonat Premier League għal staġun ieħor. United kienu tilfu l-logħbiet preċedenti ma’ Brighton and Hove Albion u West Ham United, iżda huma, grazzi għal din ir-rebħa, laħqu t-tim li qiegħed it-tielet, Newcaslte United li qedin fuq 66 punt b’differenza ta’ gowls inferjuri. Fl-istess ħin, Man Utd fetħu vantaġġ ta’ erba’ punti fuq Liverpool hekk kif dawn iż-żewġ timijiet u Newcastle lagħbu 35 logħba kull wieħed. Ir-Red Devils kienu neqsien mill-attakkant Marcus Rasfhord, madanakollu xorta sabu x-xibka fil-31 minuta meta l-winger Brażiljan Antony ipprovda assist faċli lil Anthony Martial li xeħet f’xibka prattikament vojta għall-1-0.

Intant, Wolves kienu perikolużi f’diversi okkażjonijiet iżda sabu lid-difiża tar-Red Devils dejjem attenta bl-iskor ma jinbidilx sal-mistrieħ. Fit-tieni taqsima, Wolves bdew jilgħabu l-blalen djagonali fuq l-attakkanti Matheus Cunha u Diego Costa iżda ż-żewġ attakkanti ma kenux effettivi u t-tnejn spiċċaw mibdula fl-aħħar ħinijiet. It-tieni 45 minuta rat lill-gowlkiper ta’ Wolves, Bentley, ferm impenjat fejn kellu jinxteħet fit-tulu diversi drabi biex jinnewtralizza diversi tentattivi minn Antony u x- xuttijiet fil-baxx ta’ Fernades u Sancho. Iżda s-sostitut Arġentin, Alejandro Garnacho fl-aħħar mumenti tal-partiti, serraħ ras is-sapporters numerużi ta’ United meta wara l-pass meqjus ta’ Fernandes avvanza u għeleb b’kalma kbira lil Bentley għat-2-0, bil-ballun jaħbat ma’ sieq il-lasta qabel spiċċa ġewwa.

Southampton saru l-ewwel tim relegat mill-Premier League wara li tilfu mill-ġdid f’darhom din id-darba kontra Fulham, bl-iskor ta’ 0-2. Intant, is-Saints, issa jridu jippreparaw għal staġun ieħor f’The Championship għall-ewwel darba mill-2012 u fil-verità ftit jistgħu jilmentaw dwar ir-riżultat wara wirja fjakka oħra f’St Mary’s Stadium. Il-Cottagers marru fil-vantaġġ kmieni fit-tieni taqsima meta Carlos Vinicius fit-48 minuta għeleb lil McCarthy għall-1-0 wara li approfittaq minn clearance ħażin ta’ Lyanco. Dan ftit wara li Alcaraz kellu ‘gowl’ imħassar għas-Saints u li forsi kien jagħti bixra differenti lill-konfront. Madankollu, Fulham aċċertaw mill-punti meta d-daqqa ta’ ras tal-attakkant Serb Aleksandar Mitrovic fit-72 minuta ikkundanna lis-Saints għal diviżjoni inferjuri. Dan fil-preżenza tal-Prim Ministru Britanniku Rishi Sunak, li hu partitarju ferventi ta’ Southampton u li għażel li jattendi din il-logħba ferm kruċjali għat-tim tiegħu.

Leeds United salvaw dro, 2-2, ma’ Newcastle United f’Elland Road iżda dan jista’ ma jkunx biżżejjed biex huma jsalvaw posthom fil-Premier Ingliż meta jonqoshom biss żewġ logħbiet għal tmiem il-kampjonat. Il-Yorkshiremen kisbu vantaġġ bikri meta Luke Ayling spara ġewwa mill-viċin wara li Nick Pope ma żammx ix-xutt ta’ Greenwood wara 7 minuti logħob. Iżda huma, imbagħad, tilfu ċ-ċans li jirduppjaw mill-ħdax-il metru li was minn fawl fil-kaxxa ta’ Joelinton fuq Junior Firpo meta Patrick Bamford ra x-xutt dgħajjef tiegħu salvat minn Pope. Erba’ minuti wara, Newcastle kisbu parità minn penalty ta’ Callum Wilson fil-31 minuta wara l-fawl ta’ Weber fuq Isak, u fit-tieni taqsima, il-Geordies rebħu penalty ieħor fuq il-hands ta’ Firpo fil-kaxxa; b’Wilson fis-70 minuta jgħaqqad id-doppjetta mill-ħdax-il metru. Għaxar minuti mit-tmiem, ix-xutt ta’ Rasmus Kristensen deher destinat għal barra iżda l-ballun spiċċa fix-xibka ta’ Pope wara deflection ma’ Kieran Trippier għat-2-2. Fil-ħin miżjud, Firpo intwera t-tieni karta safra għall-fawl fuq Gordon, b’Leeds jispiċċaw il-logħba b’raġel anqas u f’periklu serju li ma jinqalgħux miz-zona l-ħamra jekk ma jiksbux punti massimi mill-aħħar żewġ logħbiet.

Taiwo Awoniyi skorja darbtejn għal Nottingham Forest fid-dro prezzjuż tat-Tricky Trees ma’ Chelsea fi Stamford Bridge u għal punt prezzjuż ħafna fil-ġlieda kontra r-relegazzjoni. Id-draw kien miskub wara seba’ telfiet barra minn darhom konsekuttivi għal Forest, bit-tim ta’ Steve Cooper imur fil-vantaġġ meta Awoniyi fit-13-il minuta laħaq il-ballun qabel l-intervent tal-gowlkiper Edouard Mendy biex jixħet ġewwa fuq il-kross ta’ Renan Lodi. Wara l-mistrieħ, Raheem Sterling fil-51 minuta kiseb id-draw għal Chelsea fuq is-suġġeriment ta’ Trevoh Chalobah u seba’ minuti wara, Sterling qabeż lil Felipe biex mill-ġdid sab ix-xibka ta’ Keylor Navas għat-2-1. Madankollu, il-vantaġġ dam biss erba’ minuti, b’Awoniyi jagħmilhom 2-2 bi flick preċiż wara li rċieva mingħand Orel Mangala – bl-iskor minn dak il-ħin ma jinbidilx. Crystal Palace u Bournemouth huma żewġ tims li qed jikkonkludu l-impeni tal-kampjonat mingħajr wisq interess bl-Eagles jegħlbu liċ-Cherries, 2-0, f’Selhurst Park. Eberechi Eze fid-39 minuta żblokka r-riżultat għal Palace b’xutt qawwi mill-viċin u bl-istess plejer jagħlaq il-logħba mas-siegħa logħob meta mill-ġdid għeleb lill-gowlkiper Neto wara xogħol tajjeb minn Michael Olise.

Aston Villa għadhom qed jittamaw li jilgħabu fl-Ewropa fl-istaġun li ġej wara rebħa oħra din id-darba għall-ispejjeż ta’ Tottenham Hotspur bl-iskor ta’ 2-1 f’Villa Park. B’din it-telfa, Spurs, issa tilfu kull tama li jilgħabu fiċ-Champions League u meta huma qed jiffaċċaw tmiem tal-istaġun mill-aktar diżappuntanti. Il-Villains kellhom jistennew biss tmien minuti biex imorru fil-vantaġġ meta Jacob Ramsey ma żbaljax quddiem il-gowlkiper Forster. Fit-72 minuta, il-midfielder Brażiljan Douglas Luiz irdoppja għal Villa minn freekick filwaqt li ma sewa xejn il-penalty skurjat fid-90 minuta minn Harry Kane wara li hu twaqqa fil-kaxxa mill-gowlkiper Martinez. B’dan ir-riżultat, Villa kisbu s-sitt rebħa mill-aħħar sitt logħbiet ‘home’, b’dan ikun anki l-ewwel dopjetta fil-league għat-tim minn Birmingham fuq Spurs, mill-istaġun 1995-96.