Inter v Sassuolo 4-2
Inter kisbu rebħa missielta kontra Sassuolo ta’ 4-2 biex b’hekk telgħu fit-tielet post tal-klassifika b’66-il punt, bl-istess ammont ta’ punti bħal Juventus b’partita iktar.
Sassuolo ħasdu lil-avversarji tagħhom meta kważi marru fil-vantaġġ permezz ta’ Domenico Berardi li xeħet ġewwa minn pass ta’ Lauriente, madanakollu l-attakkant Franċiż kien f’pożizzjoni irregolari u l-gowl tħassar wara konsultazzjoni tal-VAR.
Romelu Lukaku fetaħ l-iskor ftit minuti qabel tmiem l-ewwel taqsima b’gowl il-ġmiel tiegħu meta sab ix-xibka minn barra l-kaxxa.
Inter irduppjaw l-iskor fil-55 minuta permezz ta’ auto goal ta’ Tressoldi wara konfużjoni fil-kaxxa minn korner mogħti minn Bellanova.
Inter għamluhom 3-0 tlett minuti wara, b’din id-darba Lautaro Martinez iniżżel ismu mal-iskorers b’xutt ieħor minn barra l-kaxxa li ġie devjat minn Tressoldi u għeleb għal kollox lil Consigli.
Sassuolo rnexxiehlhom jiksbu gowl lura fit-63 minuta permezz ta’ Matheus Henrique minn suġġeriment tal-attakkant Berardi.
Sassuolo għal darb’oħra sabu x-xibka b’din id-darba l-midfielder Davide Frattesi jsib ix-xibka minn kross tad-difensur laterali Rogerio.
Ftit minuti qabel l-aħħar suffara, Romelu Lukaku ssiġilla r-rebħa għal Inter bid-doppjetta personali tiegħu meta għeleb lil Consigli minn pass preċiż ta’ Brovozic.
Il-gowls ta’ Henrique u Frattesi ma kienux biżżejed sabiex jirkupraw l-iskor, bin-Neroazzuri jieħdu t-tlett punti f’San Siro.
Telfiet inkwetanti għal Milan u Atalanta
Spezia v Milan 2-0
L-inkwiet ikompli jikber għaċ-champions tas-Serie A tal-istaġun li għadda, hekk kif wara li sofrew telfa iktar kmien din il-ġimgħa kontra Inter fl-ewwel leg tas-semi finali kontra Inter ta’ 2-0, għal darb’oħra sofrew telfa oħra ta’ 2-0, din id-darba barra minn darhom kontra Spezia. Spezia b’din ir-rebħa jkabbru l-possibilta’ sabiex jevitaw ir-relegazzjoni, hekk kif jinsabu fit-18-il post bl-istess ammont ta’ punti daqs Hellas Verona fis-17-il post li se jilgħabu għada kontra Torino f’12:30pm.
Fil-kamp l-ieħor Milan ma għenu xejn lil ruħhom sabiex jispiċċaw l-istaġun mal-ewwel erbgħa sabiex is-sena d-dieħla jikkompetu fl-UEFA Champions League.
Żewġ gowls fl-aħħar kwarta logħob taw ir-rebħa lil Spezia, bl-ewwel gowl jasal minn Prezmyslaw Wisniewski li sab ix-xibka minn suġġeriment tad-difensur Amain.
Spezia kkonfermaw ir-rebħa fil-85 minuta permezz ta’ Salvatore Esposito meta għeleb lil Maignan minn freekick li wasal minn foul banali ta’ Kalulu.
Salernitana v Atalanta 1-0
Rebħa sorprendenti għal kollox għal Salernitana kontra Atalanta ta’ 1-0 biex b’hekk ikomplu jitbiegħdu miż-żona tar-relegazzjoni. Fuq in-naħa l-oħra din it-telfa titfa’ lil Atalanta fis-7 post, u prattikament jelimina kważi ċ-ċans kollhu li jikkwalifikaw għall-UEFA Champions League billi jispiċċaw mal-ewwel erbgħa fil-kampjonat.
Il-gowl mirakoluż tar-rebħa wasal fit-93 minuta minn xutt fil-baxx tal-plejer t’esperjenza kbira Antonio Candreva minn suġġeriment tal-attakkant Polakk Piatek.
Riżultati u logħob:
Il-Ġimgħa: Lazio v Lecce 2-2
Illum: Salernitana v Atalanta 1-0, Spezia v Milan 2-0, Inter v Sassuolo 4-2
Għada: Hellas Verona v Torino 12:30pm, Fiorentina v Udinese 3:00pm, Monza v Napoli 3:00pm, Bologna v Roma 6:00pm, Juventus v Cremonese 8:45pm
It-Tnejn: Sampdoria v Empoli 8:45pm