Finali mill-isbaħ bejn tnejn mill-aqwa talenti tas-Snooker f’pajjiżna, rat lil Aaron Busuttil jegħleb lil Brian Cini 6-5 biex sar ic-champion nazzjonali.
Cini fetaħ vantaġġ ta’ 4-0 qabel l-intervall iżda meta ż-żewġ plejers irritornaw fuq il-mejda fil-Malta Snooker Academy fil-Ħamrun, Busuttil wettaq reazzjoni u rebaħ tliet frames infila u beda jitfa’ l-pressjoni fuq l-avversarju.
Fit-tmien frame Brian Cini irnexxielu jirbaħ 80-24 iżda Aaron Bisuttil rebaħ iż-żewġ frames ta wara 77-1 u 71-0 bieb b’hekk il-logħba kellha tmur għall-frame deċiżiv.
Il-11-il frame kien wieħed missielet, tant li ż-żewġ plejers baqgħu fil-logħba sal-aħħar, u wara numru ta’ kolpi difensivi fuq il-boċċa r-roża, kien Aaron Busuttil li rnexxielu jagħmel ir-roża mill-bogħod biex imbagħad għalkemm niżel xi ftit iżżejjed għas-sewda xorta waħda għamilha biex ħareġ rebbieħ 6-5.