Raġel qed jissielet għal ħajtu wara li belgħa gassijiet tossiċi u ntilef minn sensih waqt li kien qed jagħmel xi xogħol f’bir.
Il-każ seħħ għall-ħabta tal-11:15am f’bir li jinsab f’għalqa fl-inħawi magħrufa bħala tal-Ħofra, fil-limiti ta’ Ħ’Attard.
Membri tal-Protezzjoni Ċivili kif ukoll tim mediku bdew bil-ħidma tagħhom sabiex isalvaw lir-raġel. Il-kundizzjoni tiegħu għadha mhix magħrufa.
Ir-raġel ttieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza għall-kura, fejn ġie ċċertifikat li jinsab f’kundizzjoni serja.
Il-Maġistrat tal-Għassa Ian Farrugia ġie infurmat bil-każ u ħatar inkjesta. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija u tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol għadhom għaddejjin.