Lokali

“Hemm nuqqas kbir ta’ ħaddiema Pulizija fl-iskwadra tad-droga” – L-ispettur Mark Anthony Mercieca

Is-sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ riżorsi umani fi ħdan il-Korp tal-Pulizija għadha fis-seħħ tant li iktar ma jmur iktar tidher li qed tmur għall-agħar, bil-Korp tal-Pulizija mhux ilaħħaq mal-ammont ta’ xogħol li l-membri tal-Korp qed jiffaċjaw ta’ kuljum.

Din is-sitwazzjoni ġiet konfermata mill-Ispettur Mark Anthony Mercieca f’intervista li ta lil The Malta Independent fejn qal li anke l-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga qed tesperjenza sfidi kbar… entità li maż-żmien qed tesperjenza żieda fil-każijiet tad-droga.

Fil-fatt, rapporti mill-Europol u l-European Monitoring Centre for Drugs and Drug Addiction (EMCDDA) wrew żieda qawwija ta’ droga fl-Ewropa, b’biljuni jintefqu fuq id-droga ta’ kull sena.

L-Ispettur Mercieca qal li l-Pulizija qatt ma jista’ jkollha biżżejjed uffiċjali fil-gwerra kontra d-droga u reati tad-droga li qed jevolvu kontinwament. Fl-istess intervista, l-Ispettur Mercieca saħaq li hemm bżonn ta’ aktar uffiċjali, peress li jaħdmu mhux biss lokalment, iżda internazzjonalment mal-Europol, l-Interpol, u entitajiet oħra.

L-Ispettur Mercieca nnota li d-domanda għad-droga f’pajjiżna hija għolja, filwaqt li l-kannabis hija l-aktar droga ppreferuta f’diversi pajjiżi, inkluż Malta, segwita mill-kokaina, l-eroina u d-drogi sintetiċi.

Hu qal li f’Malta hu llegali li jkun hawn organizzazzjonijiet li jipproduċu u jbiegħu d-droga, iżda rrimarka li d-droga tista’ tasal f’Malta bħala kuntrabandu b’diversi modi.

Mistoqsi jekk l-età meta n-nies ikunu esposti għad-droga hix tonqos, Mercieca qal li fil-passat, drogi bħal kokaina, eroina, kannabis u drogi oħra sintetiċi kienu jiswew ħafna flus… iżda llum il-ġurnata,  id-drogi saru aktar aċċessibbli u affordabbli u b’hekk iż-żgħażagħ spiċċaw esposti għal iktar sustanzi.

Mercieca qal li pajjiżna għandu liġijiet stretti u b’saħħithom kontra d-droga, b’pieni li kapaċi jwasslu biex wieħed jeħel għomor il-ħabs.

Mercieca tkellem dwar l-aktar drogi inkwetanti għall-pulizija, li waħda minnhom hija drogi sintetiċi, peress li l-effetti tagħhom huma differenti minn dawk tad-droga tradizzjonali u jagħmlu ħsara kbir lis-saħħa tal-individwi li jieħduhom.

Mistoqsi jekk żdiedux il-każijiet ta’ drogi sintetiċi f’Malta, Mercieca qal li l-pajjiż għadu aktar fuq in-naħa tradizzjonali, u fil-fatt l-użu tad-drogi sintetiċi fl-aħħar snin baqa’ stabbli.