Il-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky, fl-aħħar sigħat, kellu taħditiet, f’Berlin, mal-Kanċillier Ġermaniż Olaf Scholz u l-President tal-Ġermanja, Frank-Walter Steinmeier.
Din hi l-ewwel żjara ta’ Zelensky fil-Ġermanja mindu l-qawwiet tar-Russja invadew pajjiżu fi Frar tal-2022 u meta t-Tmexxija f’Berlin, issa, ikkonfermat li għandha tissupplixxi lill-Ukreni b’armamenti ekwivalenti għal tliet biljun ewro biex huma ikomplu jirreżistu l-invażjoni.
Iż-żjara hi anki sinifikanti fid-dawl tal-appoġġ bla riservi mill-Ewropa lil Kiev waqt il-Gwerra fl-Ukrajna.
Fil-fatt, il-President Zelensky, fis-sigħat li jmiss, se jngħata l-Premju Charlemagne – l-akbar unur mogħti mill-Parlament Ewropew u l-Fondazzjoni Internazzjonali bl-istess isem lill-persuni u entitajiet li jsaħħu d-demokrazija — waqt ċerimonja li għandha ssir fil-belt ta’ Aachen.
Fost ir-rebbieħa ta’ dan l-unur fil-passat hemm l-Eks Prim Ministru Britanniku, Winston Churchill, il-Papa Franġisku u l-Eks President Amerikan Bill Clinton.
Sadanittant, kien proprju s-Sibt li l-Ġermanja introduċiet l-akbar pakkett ta’ għajnuna militari lill-Ukrajna li tinkludi tankijiet tal-gwerra Leopard u sistemi ta’ difiża kontra l-attakki mill-ajru. U fl-aħħar sigħat ukoll, il-President Zelensky qal, wara t-taħditiet mal-Kanċillier Scholz, li l-Ukreni mhumiex qed jattakkaw l-artijiet tar-Russja, għalkemm huma qed jippjanaw kontro-offensiva biex jieħdu lura t-territorju Ukreni okkupati ‘illeġittimament’ mir-Russi.
Iż-żjara ta’ Zelensky fil-Ġermanja saret immedjatament wara li hu temm l-impenji waqt żjara, nhar is-Sibt, fl-Italja fejn iltaqa’ mal-President Taljan Sergio Mattarella, il-Prim Ministru Giorgia Meloni u l-Papa Franġisku.
//= $special ?>