“Robert Abela tilef kull sens ta’ responsabbiltà, empatija u dmir li ħa b’ġurament lejn il-kostituzzjoni ta’ pajjiżna li jkun dejjem hemm għall-poplu Malti u Għawdxi għax hekk hu sewwa u xieraq.”
Kien dan li qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech f’intervista li saritlu waqt il-programm Analiżi fuq Net Television meta kien qed iwieġeb dwar id-deal skandaluż li sar bejn il-Gvern u Steward Healthcare.
Bernard Grech fakkar kif kienet il-Qorti stess li qieset il-kuntratt tat-tliet sptarijiet bħala wieħed frawdolenti, b’miljuni ta’ ewro minn ħalq il-poplu Malti u Għawdxi li nsterqu biex marru għal tal-qalba.
“Kull darba li ma tinqedix u tispiċċa tbati, dan qed iseħħ minħabba li ħaddieħor berbaq il-miljuni minflok ħa ħsieb l-interessi tiegħek,” qal Bernard Grech.
Bernard Grech qal li Robert Abela tilef id-direzzjoni u ma jafx x’inhu jagħmel hekk kif spiċċa mifxul biex ma jinqabadx f’dak li Gvern tiegħu stess għamel.
Minn naħa l-oħra, il-Partit Nazzjonalista għandu s-soluzzjonijiet biex il-poplu Malti u Għawdxi ma jibqax ibati għan-nuqqas tal-Gvern ta’ Robert Abela, fosthom biex nilqgħu għall-impatt taż-żieda fil-prezzijiet… iżda Abela għażel li jinjorahom.
“Iż-żieda m’għandix tkun intaxxata biex int tieħu l-flus bis-sħiħ u mhux il-Gvern jerġa’ jbil subajgħ fih,” qal Bernard Grech.
Fid-dawl ta’ dan, Bernard Grech wiegħed li se jkun qiegħed dejjem hemm għal kull Malti u Għawdxi biex jassigura li l-ebda persuna ma tibqa’ lura.
“Aħna se nibqgħu qalb in-nies għaliex qalbna man-nies,” qal Bernard Grech. “Inħeġġeġ biex iktar nies jitkellmu dwar dak kollu li qed idejjaqhom. Jien lest niltaqa’ ma’ kulħadd, ma’ kull persuna li qed tħossha mweġġa’. Il-Partit Nazzjonalista qiegħed hemm u se jibqa’ hemm biex nindirizzaw l-isfidi ta’ kull persuna.”