Internazzjonali

Il-Medda ta’ Gaza: Waqfien mill-ġlied fraġli…bil-kriżi umanitarja qed tkompli

Ir-residenti fil-Medda ta’ Gaza qed jiffaċjaw kriżi umanitarja fuq livell katastrofiku wara ħamest ijiem ta’ battalji ħorox bejn il-militanti tal-Ġiħad Iżlamiku – residenti f’Gaza – u l-qawwiet ta’ Iżrael.

Dan meta fl-aħħar sigħat suppost li sar effettiv ftehim għall-waqfien mill-ġlied f’dik iz-zona tal-Lvant Nofsani – u wara li n-naħat avversarji xorta komplew jisparaw lejn xulxin sa sigħat wara l-ħin stabbilit biex il-ftehim jidħol fis-seħħ.

Filwaqt li l-Palestinjani qed jakkużaw lill-Iżraeljani dwar ‘gwerra sfaċċata’ kontra l-familji u ċ-ċivili ta’ Gaza, hu minnu li l-militanti tal-Ġiħad fit-territorju ma żammewx lura milli jisparaw xita ta’ missili lejn l-ibliet u villaġġi Iżraeljani man-naħa l-oħra tal-fruntiera.

U waqt li jidher li mietu numru mhux determinat ta’ ċivili waqt ir-rejds tal-ajru fuq Gaza, qegħdin joħorġu wkoll rapporti dwar ċivili maqtulin mir-rokits  tal-Ġiħad Iżlamiku fuq Iżrael. Dan meta l-militanti ħalfu li jpattuha lill-Iżraeljani għall-qtil, xi jiem ilu, ta’ erba’ kapijiet ewlenin ta’ dan il-grupp.

Sadanittant, is-sitwazzjoni qed tidher kerha ħafna għaċ-ċivili f’Gaza u speċjalment għall-morda. Fil-fatt hu stmat li ’l fuq minn 200 pazjent –li l-maġġoranza huma morda bil-kanċer u li jinkludu wkoll it-tfal – ma setgħux jitilqu minn Gaza lejn iz-zoni fejn suppost jingħataw it-trattament urġenti.

Dan għaliex Iżrael jikkontrolla żewġ punti ta’ aċċess ma’ Gaza u li jintużaw l-aktar għall-movimenti tan-nies u t-trasport tal-affarijiet essenzjali – biż-żewġ aċċessi ilhom magħluqin mill-bidu (nhar it-Tlieta) tar-rejds tal-Iżraeljani fuq il-militanti Palestinjani.

Fl-istess ħin, is-sitwazzjoni mistennija twassal għall-għeluq tal-unika faċilità għall-ġenerazzjoni tad-dawl fil-Medda ta’ Gaza u li għandu jżid mal-problemi umanitarji kbar f’Gaza. Dan peress li l-faċilità tissupplixxi nofs l-elettriku għat-territorju fqir ikkontrollat mill-grupp Hamas (tal-militanti Palestinjani) u fejn qed jgħixu xi 2.3 miljun Palestinjan.

Iżrael ilu mill-2007 iżomm lil Gaza fi stat ta’ assedju u wara li l-Hamas ħadu r-riedni fit-territorju. 

U waqt li l-Iżraeljani qed jinsistu li jridu jagħmlu dan bilfors minħabba s-sigurtà u t-theddida ta’ terroriżmu minn Gaza, hu minnu wkoll li l-isptarijiet ta’ Gaza huma neqsin sew mill-mediċina u t-tagħmir mediku mhux biss minħabba ċ-ċirkustanzi iżda anki b’kaġun tad-diżgwid politiku intern fost il-Palestinjani nfushom.