Lokali

Il-poplu Malti u Għawdxi qed jgħix ħajja mifnija bil-korruzzjoni u l-abbuż tal-poter

“Dak kollu li għexna fl-aħħar ġimgħat meta ħareġ bl-aktar mod ċar kemm membri tal-Gvern Laburista moħħhom biex jiffangaw u jitħanżru minn fuq dahar il-poplu Malti u Għawdxi, ħareġ bl-aktar mod ċar kemm dawn mhux veru li għandhom għal qalbhom il-veri interessi tal-pazjent, tal-marid u tal-anzjani, iżda l-interessi ta’ bwiethom u kemm se jistagħnew.

“Fl-isfond ta’ dan kollu jrid ikun il-Partit Nazzjonalista, li għandu track record brillanti fis-Saħħa, li jsalva lil dan il-pajjiż milli jaqa’ aktar fil-baxx. Għax kien il-Gvern Nazzjonalista li investa kif kien xieraq fis-Saħħa u dan narawh bi proġetti bħalma hu ċ-Ċentru tal-Onkoloġija, l-Isptar Mater Dei u diversi kliniċi madwar Malta u Għawdex. Investiment bi sħiħ fil-professjonisti.

“Il-Partit Nazzjonalista hu riġenerat b’politiċi ġodda u oħrajn b’esperjenza li flimkien qed inwasslu biex ikollna viżjoni ċara għal Malta. Partit Nazzjonalista b’Deputati speċjalizzati f’diversi setturi li moħħhom hu biss għall-ġid komuni. Flimkien se nkomplu naħdmu, nagħmlu pressjoni biex tingħata kura tas-saħħa aħjar u b’dinjità. Irridu nkunu t-tama u l-futur tas-settur tas-Saħħa f’pajjiżna.”

Din id-dikjarazzjoni għamilha d-Deputat Nazzjonalista Ian Vassallo Hagi, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-Kura Primarja u s-Saħħa Mentali, meta tkellimna dwar dak kollu li seħħ u qed iseħħ f’pajjiżna wara li l-Qrati Maltin, f’sentenza storika, għaddew mill-ġdid l-Isptar San Luqa, l-Isptar Karen Grech u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex lura lill-poplu Malti u Għawdxi wara li kienu nsterqu mill-Gvern Laburista.

Ian Vassallo Hagi beda biex qal li l-Gvern għandu ħafna flus għal Vitals/Steward… aktar minn €300 miljun, iżda għall-professjonisti u għalik m’għandux. Il-Partit Nazzjonalista qed hawn biex jaqbeż għalik.

Għal snin sħaħ il-Gvern ta’ Joseph Muscat, u wara b’kontiwità ta’ Robert Abela, ħallas miljuni kbar lil kumpaniji Vitals/Steward u lura anqas ħadna l-minimu li kien imwiegħed. Minflok illum għandna servizz tas-Saħħa li ma sarlux investiment biżżejed u qed ibati l-pazjent u l-professjonist. Qed tbati int meta tiġi bżonn xi servizz tas-Saħħa.

Tul dawn l-aħħar snin, il-Gvern Laburista kien qed iħallas miljuni ta’ ewro fis-sena biex isir investiment imwiegeħed fl-Isptarijiet San Luqa, Karen Grech u fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex. Ta’ kull sena, f’kull baġit, anke jekk l-investiment kien jidher ċar li ma kienx qed iseħħ, il-Gvern u l-Ministru tal-Finanzi dejjem baqgħu jżidu l-għotja ta’ flus, bil-miljuni lil min kien qed imexxi dawn l-isptarijiet.

Ian Vassallo Hagi fisser li jsir investiment hu tajjeb. Investiment f’kull settur hu milqugħ, anke dak li jsir mal-privat. Iżda qatt ma aħna se naċċettaw li biex isir investiment ikun hemm frodi u korruzzjoni marbuta miegħu sa mit-twelid tal-ħsieb tal-proġett, waqt li kien qed jinħema u wara li beda l-kuntratt. B’hekk id-Deputat Adrian Delia għamel il-kawża fil-Qorti u tkellem u ġġieled biex dan il-kuntratt jitwaqqaf. B’hekk wasalna għas-sentenza li ħareġ l-Imħallef wara ħafna seduti u xogħol.

Il-Partit Nazzjonalista, taħt it-tmexxija ta’ Bernard Grech, bix-xogħol tant siewi li għamel Adrian Delia, il-Grupp Parlamentari kollu magħqud se jibqa’ jara li naċċertaw li l-isptarijiet jerġgħu jkunu tagħna l-Maltin, immexxijin minn professjonisti Maltin li tant huma kapaċi u li flusna jintefqu b’mod tajjeb u akkontabbli.

Mistoqsi dwar l-impenn tal-Partit Nazzjonalista li rridu flusna lura, Ian Vassallo Hagi fisser li rridu naraw ukoll kif se nġeddu s-sistema tas-Saħħa għaliex minħabba dan il-kuntratt frawdalenti, l-investiment fis-Saħħa ta’ dan il-pajjiż waqaf u allura qegħdin lura b’diversi snin. Irridu naraw li jsir investiment immedjat biex inlaħħqu ma’ dak li tlifna.

Irridu naraw li, fost l-oħrajn, barra investiment xieraq fl-Isptarijiet ta’ Malta u Għawdex, isir verament investiment fil-Kura Primarja u fis-Saħħa Mentali. Dan il-pajjiż ma jistax jibqa’ jiddependi biss fuq l-isptar preżenti, iżda jrid jifrex is-servizzi tiegħu.

Illum pajjiżna għandu popolazzjoni ferm akbar minn dik li kienet meta kien ippjanat l-Isptar Mater Dei u dan qed jaffettwa s-servizz fil-mod li bih jingħataw u fil-kwalità.

“Bħala Partit Nazzjonalista u d-Deputati Nazzjonalisti b’interess fis-Saħħa, Stephen Spiteri, Claudette Buttigieg u jien qed naħdmu b’għan wieħed… dak li jkollna servizz tas-Saħħa ta’ kwalità fi żmien diċenti u mhux bi stennija twila biex tiġi dijanjozat jew tingħata trattament, kundizzjonijiet xierqa lill-ħaddiema u b’hekk ikollna servizz tas-Saħħa aħjar li tittrasforma fi kwalità ta’ ħajja aħjar għall-poplu Malti.”

Mistoqsi dwar il-kwistjoni tas-swali u s-sodod fl-Isptar Mater Dei, Ian Vassallo Hagi qal li hu inaċċettabbli li fl-2023, minħabba nuqqas ta’ ppjanar u serq fid-deals ta’ Vitals/Steward, illum m’għandniex biżżejjed sodod u swali fejn nilqgħu lill-pazjenti tagħna.

Kieku sar l-investiment imwiegħed f’dan il-kuntratt, kieku llum għandna 400 sodda oħra fl-Isptar San Luqa u l-Isptar Ġenerali t’Għawdex. Dan kien ifisser li kieku tlestew dawn is-sodod, illum ma kienx ikollna għaliex nikkonvertu kurituri, canteen u librerija fi swali fejn tingħata l-kura f’Mater Dei.

Hu tal-mistħija li llum hemm pazjenti li qed jingħataw kura, akuta jew fit-tul, f’kundizzjonijiet mhux xierqa. Nuqqas ta’ spazju, iġene u servizzi sanitarji. Għandna swali fejn qed jintużaw mobile toilets u showers. Swali li anqas biss spazju fejn pazjent jista’ jiċċaqlaq ftit jew ikollu spazju diċenti biex professjonista jista’ jagħtih kura tajba. Li kieku mhux għall-professjonisti, għat-tobba u għall-infermieri li jagħmlu minn kollox biex jaħdmu f’dawn il-kundizzjonijiet medjokri, illum b’responsabbiltà ngħid li fallejna għalkollox fis-settur tas-Saħħa.

Tkellimna wkoll dwar il-lista ta’ stennija għal appuntamenti ta’ ttestjar ta’ dijanjozi, u Ian Vassallo Hagi enfasizza li tul dawn l-aħħar xhur, il-Gvern ammeta li hemm waiting lists twal biex wieħed jingħata appuntament biex isirulu diversi testijiet bżonjużi biex jingħata kura jew deċiżjoni biex isirlu xi intervent.

Lista ta’ xhur twal, kważi sena biex wieħed isirlu test ta’ MRI, CT Scan jew Ultrasound. Se nkomplu nagħmlu pressjoni biex dan il-Gvern jinvesti l-flus tiegħu fejn vera jagħmel differenza lil pazjent u jinġiebu aktar makkinarji li bihom jista’ jgawdi l-pazjent u jkollu kura aħjar.

Dwar l-istennija għall-interventi kirurġiċi, Ian Vassallo Hagi qal li hu inaċċettabbli li fix-xhur li għaddew diversi pazjenti kellhom operazzjonijiet ikkanċellati jew posposti minħabba diversi raġunijiet bħal nuqqas ta’ riżorsa umana, nuqqas ta’ sodod, oġġetti mediċi jew spazju fit-teatri. Dan il-Gvern li baqa’ jkaxkar saqajh biex jinvesti f’dan is-settur u llum qed jiġi ffaċċjat b’realtajiet fejn pazjenti, minbara li jokkupaw sodod tant bżonjużi mingħajr bżonn, ikollhom jibqgħu sajmin, muġugħa u jingħataw mediċini żejda ta’ bla bżonn sakemm jistennew ta’ kuljum li ssirilhom l-operazzjoni.

Dan sar matul l-aħħar ġimgħat f’diversi setturi speċjalment fl-ortopedija. Hi tal-mistħija li meta persuna jkollha bżonn ta’ intervent tispiċċa tistenna ġranet twal, sajma muġugħa u titlob il-providenza biex t-tingħata trattament li hu dritt tagħha.

Tkellimna wkoll dwar il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema kollha fis-settur tas-Saħħa u Ian Vassallo Hagi qal li l-Gvern sab diversi miljuni ta’ ewro għall-barranin, iżda għall-ħaddiema fis-saħħa le.

Tul dawn l-aħħar ġranet rajna kif il-Malta Union for Midwives and Nurses kellha toħroġ bi strajk biex tara li jkollha kundizzjonijiet diċenti għall-membri tagħha. Dan isegwi wkoll diversi rikjesti minn professjonisti oħrajn.

Illum fl-isptarijiet ta’ Malta u Għawdex għandna sitwazzjoni li anqas biss post għal rikreazzjoni fil-pawsa mix-xogħol ma hemm għalihom. Sitwazzjoni li dan il-Gvern anqas kien kapaċi jixtri uniforimijiet għal diversi Allied Health Professionals.

Għandna sitwazzjoni li ħaddiema jaħdmu b’nuqqas ta staff li qed iwassal għal burnout u anke bi professjonisti jispiċċaw jagħżlu li jħallu l-impjieg tagħhom biex jaħdmu f’setturi oħrajn. Qed nitilfu r-riżorsa, l-imħuħ tant twajba tal-professjonisti Maltin minħabba li dan il-Gvern mhux jieħu azzjoni biex verament jagħtihom kwalità ta’ xogħol tajjeb. Ħafna wegħdiet, u xejn ma jsir.

Hawnhekk tkellimna dwar is-settur tas-Saħħa Mentali, u Ian Vassallo Hagi fisser li lil dan is-settur il-Gvern iħobb jużah u jitkellem fuqu u fuq l-investiment kbir li qed isir. Però tul dawn l-aħħar snin, apparti l-investiment minimu li sar fl-Isptar Monte Carmeli, li meta titkellem mal-pazjenti u professjonisti li jaħdmu hemmhekk jgħidulek li dan għadu biss fil-bidu minimu li hemm bżonn isir, ma sarx investiment ieħor.

Gvern li għalaq is-servizz tal-outpatients f’Mater Dei biex tefa’ l-piż kollu fuq kliniċi fil-komunità li anqas biss kienu jifilħu qabel għall-influss tal-pazjenti aħseb u ara issa li tant żdied xogħol. Kmamar fiċ-Ċentri tas-Saħħa li anqas biss għandhom spazju biżżejed biex fihom joqogħdu l-professjonisti u l-pazjent meta jkun qed isir trattament.

Imbagħad nisimgħu kull sena lill-Ministru Chris Fearne jsemmi l-proġett kbir ta’ sptar ġdid tal-kura akuta fis-Saħħa Mentali qrib l-Isptar Mater Dei. Wegħda li tiġi riċiklata sena wara sena u baġit wara baġit, u xejn konkret.

L-investiment fis-Saħħa Mentali hu lura wisq. Irridu llum qabel għada naraw kif se nkunu aktar fil-viċin ma’ persuni li jbatu minn xi tip ta’ nuqqas ta’ Saħħa Mentali. Dan is-settur hu wieħed delikat ħafna u hemm bżonn immedjatament li naraw li ninvestu fl-iskejjel, fil-postijiet tax-xogħol u fil-komunità biex nilħqu fil-bidu persuni li jkunu għaddejjin minn żmien diffiċli fis-Saħħa Mentali tagħhom. Irridu naraw ukoll li bħalma jiġri f’każ ta’ mard ieħor, dawn il-pazjenti kollha wkoll ikollhom dritt għall-benefiċċji soċjali u għall-għajnuniet.

Dwar il-Kura Primarja, Ian Vassallo Hagi qal li tul dawn l-aħħar snin, l-investiment fil-Kura Primarja min-naħa ta’ dan il-Gvern kien minimu u bit-tkaxkir tas-saqajn. L-investiment li qed isir fin-naħa t’isfel ta’ Malta, f’Raħal Ġdid hu tajjeb u ta’ bżonn, però ma rridux ninsew li dan fil-verità hu proġett grazzi għall-Fondi Ewropej.

Hawnhekk turi biċ-ċar kemm kienet tajba l-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista meta dħalna fis-sħubija mal-Unjoni Ewropea. L-Unjoni Ewropea matul dawn is-snin għenet ukoll biex inxtraw diversi magni u servizzi li bihom illum ningħataw il-kura.

Fil-Kura Primarja hemm bżonn ta’ investiment aktar qawwi fir-riżorsa umana. Irridu naraw li jiżdiedu l-ħinijiet li fihom jingħataw is-servizzi, speċjalment dawk tat-tabib tal-familja jekk verament irridu nnaqqsu l-piż minn fuq l-Isptar Mater Dei.

Irridu naraw li fl-irħula, permezz taċ-Ċentri tal-Komunità (bereġ), naslu aktar għand il-pazjenti fil-lokalità. Imma dan ma jistax isir billi neżżgħu liċ-Ċentri tas-Saħħa biex imbagħad narmaw dawn iċ-Ċentri speċjalment fejn tidħol ir-riżorsa umana.

Trid tiġi identifikata l-problema serja ta’ stennija għall-appuntamenti fiċ-Ċentri tas-Saħħa. Sfortunatament diversi servizzi qed ikunu impossibbli biex jinqdew bihom il-pazjenti minħabba li l-istennija bejn appuntament u ieħor hu wisq fit-tul.

Mistoqsi dwar il-mediċini u l-kura, Ian Vassallo Hagi qal li fl-aħħar xhur tas-sena l-oħra u l-bidu ta’ din is-sena, grazzi għad-Deputati tal-Partit Nazzjonalista, “kxifna dak li l-Gvern kien qed jaħbi, il-medicini out of stock.

“Għal diversi ġimgħat u xhur, il-Gvern ma kienx qed jippubblika l-lista tal-mediċini li kienu neqsin u diversi pazjenti ma kenux qed jiġu trattati għall-kundizzjonijiet tagħhom kif xieraq. Kien fuq insistenza tal-Partit Nazzjonalista li ltaqa’ l-Kumitat Parlamentari tas-Saħħa wara li jien stess tlabt b’inkjesta uffiċjali lill-President ta’ dan il-Kumitat u kienet diskussa din il-materja u kif stajna negħlbu din is-sitwazzjoni.”

Sfortunatament iżda, baqa’ ħafna xi jsir. Gvern li wiegħed li diversi mediċini jidħlu fil-folmurarju u l-Pharmacy of Your Choice iżda ma wasalx. Nafu li diversi professjonisti ddiskutew li jeżistu mediċini aħjar minn dawk li jingħataw illum, u li bihom il-pazjent jkollu riżultat aħjar u b’inqas side effects, iżda dan il-Gvern mhux qed isib fondi biex jixtrihom.

Irridu naraw li l-pazjent ma jkollux għalfejn ibiegħ ġidu li jkun ħadem għalih jew li jispiċċa jmur jittallab biex jingħata kull tip ta’ kura. Waħda mil-wegħdiet elettorali tagħna kienet din. Irridu naraw li pazjent li jkollu bżonn

mediċina jew kura partikolari, tingħatalu b’xejn u fl-inqas żmien possibbli, kemm lokalment kif ukoll barra minn Malta fl-oqsma differenti tas-Saħħa, temm Ian Vassallo Hagi.