Il-qasma li teżisti fil-Kunsill Lokali tal-Qala bejn is-Sindku Laburista Paul Buttigieg u l-Viċi Sindku Laburista Ivan Cefai kompliet toħroġ dejjem aktar fil-beraħ f’dawn l-aħħar jiem. Dan meta il-Prim Ministru Robert Abela għamel żjara fir-raħal tal-Qala fejn fost l-oħrajn żar il-ground tal-futbol tal-lokalità li ġie rinovat riċentament… grounds li huma propjetà tal-Kunsill Lokali stess. Iżda għal din iż-żjara s-Sindku Laburista Paul Buttigieg ma ġiex mistieden.
Minflok, kien hemm biss il-Viċi Sindku Laburista Ivan Cefai. Kien propju fl-aħħar taż-żjara meta is-Sindku feġġ mingħajr stedina fiz-zona fejn kien hemm il-Prim Ministru u b’mod sorpriż sab lil sieħbu fil-preżenza tal-Prim Ministru Robert Abela.
Kemm dak il-ħin u anke wara, f’messaġġ li tella’ fuq Facebook, is-Sindku Paul Buttigieg esprima il-frustrazzjoni tiegħu fejn stqarr mingħajr kantunieri li hu ma kienx mistieden għal din iż-żjara u spiċċa attenda mingħajr stedina wara li ġie mgħarraf li l-Prim Ministru kien fil-lokalità tiegħu. Kiteb bl-aktar mod ċar li “hemm min ma jridux jidher għal raġunijiet tiegħu.”

Għal din iż-żjara kien hemm preżenti ukoll il-Ministru Clint Camilleri li ma ddejjaq xejn jagħmel din iż-żjara mingħajr il-preżenza tas-Sindku. Il-Viċi Sindku Ivan Cefai, li hu magħruf sew li huwa qrib ħafna tal-Ministru Clint Camilleri, kellu sehem prominenti f’din iż-żjara u f’messaġġ li tellla’ fuq Facebook qal li kien unur għalih li laqa’ lill-Prim Ministru Robert Abela.

Din il-manuvra orkestrata mill-uffiċċju tal-Prim Ministru u mill-Ministeru għal Għawdex saret sena biss qabel l-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali, u kollox jindika li l-magna tal-Partit Laburista ser tinbotta bis-sħiħ lil Ivan Cefai biex jkun hu s-Sindku l-ġdid u jitwarrab bil-pulit is-Sindku preżenti.
U filwaqt li is-Sindku u il-Viċi Sindku Laburisti tal-Qala jkomplu jitlewmu bejnithom, hemm diversi spazji pubbliċi fir-raħal li tħallew fi stat ta’ abbandun.