Lokali

It-tieni Ħadd ta’ Mejju jiġi ċċelebrat Jum l-Omm

It-tieni Ħadd ta’ Mejju huwa jum li fih f’pajjiżna niftakru fl-ommijiet kollha… b’rigali tradizzjonali bħal fjuri, u ċikkulatini, jew forsi rigali iktar kontemporanji.

Jum l-Omm ifakkar lil dik il-persuna li tieħu ħsieb lil tarbija sa mit-twelid… Tista’ tkun omm li għal 9 xhur sħaħ ġarret f’ġufha u welldet tarbija mixtieqa u mistennija…. Iżda tista’ tkun ukoll dik ix-xbejba li ma kelliex pjanijiet li trabbi.

Tista’ tkun dik il-mara li wara ħafna snin ta’ tbatija, u meta kienet kważi qatgħet qalba, fl-aħħar ħaddnet tarbija tant maħbuba fi ħdanha.

Tista’ tkun dik li wara 9 xhur…. rat ħarsa ta’ nkwiet fuq uċuh it-tobba mal-wasla tat-tarbija tagħha u indunat li ħajjitha mhux se tkun faċli f’din id-dinja għaliex ser tinbidel mil-lejl għan-nahar…. u tista’ tkun ukoll dik il-mara li wara tant stennija id-dinja tagħha swiedet b’telfa li għaliha ħadd qatt ma jista’ jsabbarha.

L-omm mhix biss dik l-persuna li weldet tarbija, imma hija dik il-persuna li b’xi mod ħabbet u ħadet ħsieb, mhux biss lil uliedha… imma iktar minn hekk.

Hija dik il-mara li ħadet ħsieb membru tal-familja meta kien ma jiflaħx… li daret bil-ġenituri tagħha stess hekk kif l-irwoli nqalbu u kellha ddur hi b’dawk li tawha l-ħajja daqslikieku kienu tagħha… jew dik li ddur, tħobb u tgħożż l-anzjani… bħal ma omm tgħożż tarbija ġdida.

Għax l-omm mhix bilfors dik li welldet….  imma hi dik li tgħożż il-ħajja, tindokraha u tħobbha.

Dan is-sentiment qasmu wkoll il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, meta fuq Facebook u anka f’intervista fuq Net Television sellem il-memorja ta’ ommu l-għażiża u fakkar fl-imħabba u fl-għozza li hija tatu matul ħajtu. Dan filwaqt li awgura lill-ommijiet kollha li tul il-jum tal-Ħadd iċċelebraw jum l-Omm.