Il-poplu fit-Turkija qed jivvota fl-aktar elezzjoni ġenerali importanti fl-istorja moderna ta’ pajjiżu u fejn huma jistgħu jiddeċiedu li jaqilbu l-folja wara 20 sena ta’ tmexxija mill-President Recep Tayyip Erdogan….20 sena li fihom Erdogan rawwem kolt tal-personalità fost il-limitazzjonijiet mill-Istat għall-espressjoni ħielsa u l-introduzzjoni ta’ politika ripressiva għall-poplu….Naraw fis-servizz…
L-isem Kemal Kilicdaroglu jinsab fuq fomm eluf kbar ta’ Torok, inklużi żgħażagħ, peress li huwa l-kandidat li jirrappreżenta l-akbar opportunità għall-bidla fit-Turkija wara snin ta’ awtokrazija taħt il-President Recep Tayyip Erdogan.
U waqt li t-Torok – inklużi dawk li qed jgħixu barra pajjiżhom – għandhom iċ-ċans li jibdlu t-tmexxija f’Ankara, hu minnu li Erdogan, konxju mit-theddida tar-rivali Kilicdaroglu — uża l-aħħar ġranet tal-kampanja biex iwiegħed minn kollox lill-poplu minbarra li monopolizza x-xandir bil-ħsieb li jżomm lura l-messaġġi tal-Oppożizzjoni….Oppożizzjoni li għandha l-akbar ċans għal snin biex taqleb l-istatus quo attwali fit-Turkija.
Min-naħa tiegħu, Kemal Kilicdaroglu, bħala l-kandidat ewlieni tal-Oppożizzjoni għall-Presidenza, qed iwiegħed biex ixolji ħafna mill-poteri li l-President Erdogan kien assuma għalih innifsu wara li kien falla il-kolp ta’ stat storiku tal-2016 f’pajjiżu. Kemal Kilicdaroglu, fil-fatt, għandu wkoll ċans kbir li jipprofitta, politikament, mill-inflazzjoni bla rażan li l-64 miljun votanti fit-Turkija ilhom ibatu għal xhur.
Hu minnu wkoll li ħafna votanti – b’mod partikulari ż-żgħażagħ – jixtiequ tassew jaraw lill-pajjiż jinbidel għall-aħjar wara snin twal ta’ staġnar u politika ta’ ripressjoni mill-Gvern ta’ Erdogan. Fl-istess ħin, din hi elezzjoni ddominata mit-tensjoni, b’ħafna Torok jikkjujaw minn kmieni biex jeżerċitaw id-dritt għall-vot. Fl-elezzjoni se jkunu influwenti wkolli l-eluf kbar ta’ votanti qalb il-komunitajiet tat-Torok fil-Ġermanja u pajjiżi oħra tal-Ewropa.
L-ewwel indikazzjonijiet tal-vot jistgħu jdumu biex joħorġu u meta kwalunkwe kandidat irid jikseb aktar minn 50 fil-mija tal-vot biex il-pajjiż ma jidħolx għal tieni fażi deċiżiva tal-elezzjoni u f’liema każ għandha ssir fi żmien ġimgħatejn.
Min-naħa tiegħu, Kemal Kilicdaroglu, li bħal Erdogan, ivvota f’Ankara sigħat ilu, wiegħed li jekk jilħaq President hu għandu jmexxi lit-Turkija – membru tan-NATO – eqreb ta’ politika favur il-Punent u li jibbaża fuq il-valuri demokratiċi. Dan waqt li l-President Erdogan, li ma waqafx iwissi lill-elettorat dwar il-perikli ta’ bidla fit-tmexxija, qed jakkuża lill-Punent dwar kampanja sigrieta biex huwa jitwarrab mill-Presidenza li ilha f’idejh mis-sajf tal-2014.
//= $special ?>