Futbol Sport

Juventus isaħħu posthom fit-tieni post tal-klassifika… Telfa mhux mistennija għal Napoli

(Ritratt: EPA)

Fl-Allianz Stadium Juventus saħħew posthom fit-tieni post tal-klassifika b’rebħa ta’ 2-0 fuq Cremonese. Paul Pogba li kien qed jibda l-ewwel partita tiegħu wara aktar minn sena, kellu jkun sostwit wara 21 minuta minħabba injury li sofra f’koxxtu. Juventus fetħu l-iskor fil-55 minuta meta kien Federico Chiesa li għadda lejn Nicolo Fagioli li xeħet fix-xibka għal 1-0. Fid-79 minuta Juventus aċċertaw ruħhom mir-rebħa meta kien Gleison Bremer li bir-ras xeħet fix-xibka għal 2-0.

Fil-35 ġurnata tas-Serie A, telfa sorprendenti għaċ-champions Napoli meta barra minn darhom kienu megħluba minn Monza bl-iskor ta’ 2-0. Monza fetħu l-iskor fit-18-il minuta meta Matteo Pessina għadda lejn Dany Mota li mill-viċin xeħet fix-xibka għal 1-0. It-tieni gowl wasal fl-54 minuta meta wara li l-ewwel attentat ta’ Dany Mota kien salvat, biex mit-tieni tentattiv kien Andrea Petagna li għeleb lil goalkeeper ta’ Napoli għal skor finali ta’ 2-0.

F’partita bejn żewġ timijiet f’nofs il-klassifika Fiorentina għelbu lil Udinese bl-iskor ta’ 2-0. Huma fetħu l-iskor fis-7 minuta meta id-difiża ta’ Udinese naqset milli tbiegħed il-periklu, b’Gateano Castrovelli japprofitta u jitfa’ fix-xibka għal 1-0. Fiorentina kellhom jistennew sad-90 minuta biex jaċċertaw ruħhom mir-rebħa meta kien Giacomo Bonaventura avvanza u kkonkluda fil-baxx għal 2-0. Fis-96 minuta tkeċċew Giacomo Bonaventura għal Fiorentina u Rodrigo Becao għal Udinese rispettivament.

Illlum:
Verona v Torino 0-1
Fiorentina v Udinese 2-0
Monza v Napoli 2-0
Bologna v Roma 0-0
Juventus v Cremonese 2-0