Internazzjonali

L-Elezzjoni fit-Turkija: Riżultat indeċiż wara li ngħaddew 52 fil-mija tal-voti

Il-poplu fit-Turkija jinsab fuq ix-xwiek għall-ewwel indikazzjonijiet konkreti dwar min se jkun qed imexxi lill-pajjiż għall-ħames snin li ġejjin. Dan wara li t-Torok ivvutaw fl-aktar elezzjoni ġenerali importanti fl-istorja moderna ta’ pajjiżhom u fost tamiet li tinqaleb il-folja wara 20 sena ta’ tmexxija mill-President Recep Tayyip Erdogan.

F’dan iż-żmien, Erdogan irnexxielu jrawwem kult tal-personalità waqt li l-Gvern tiegħu ħonoq l-espressjoni ħielsa minbarra li introduċa stil ta’ politika ripressiva għall-poplu.

Intant, u meta s’issa laħqu ngħaddew xi 52 fil-mija tal-voti, Erdogan jidher li qed jiffaċċja l-akbar sfida elettorali min-naħa ta’ Kemal Kilicdaroglu – il-kandidat ‘għall-għaqda’ li qed jirrappreżenta lis-sitt partiti tal-Oppożizzjoni Torka. Fil-fatt, l-elezzjoni qed tiddeċiedi l-għażla bejn futur aktar demokratiku għat-Torok jew it-tkomplija tal-istatus quo taħt Erdogan, flimkien ma’ aktar snin ta’ awtokrazija f’Ankara.

Fl-aħħar minuti, l-aġenzija tal-aħbarijiet tal-Istat, Anadolu, kienet qed tagħti vantaġġ minimu lil Erdogan – u bis-sorsi indipendenti jindikaw vantaġġ għall-isfidant, Kilicdaroglu. Dan waqt li kienet qed issir l-għażla tal-kandidati għall-Parlament Tork ta’ 600 deputat. L-ebda minn dawn l-indikazzjonijiet mhi qed titqies bħala ‘uffiċjali’.

Il-Presidenza tkun deċiża f’każ li xi ħadd minn Erdogan jew Kilicdaroglu jaqbżu l-50 fil-mija tal-appoġġ. Jekk l-ebda kandidat ma jilħaq it-tragward, il-pajjiż irid ilesti għal fażi elettorali deċiżiva li ssir fl-aħħar ta’ dan ix-xahar.