L-aġenzija tal-aħbarijiet Torka Anadolu qalet li s’issa ngħaddew mal-45 miljun voti mitfugħin fl-elezzjonijiet tallum fit-Turkija — u meta r-riżultati mill-ibliet il-kbar, fosthom Ankara, Istanbul u Izmir, għandhom jiddeċiedu r-rebbieħ bejn il-President Tork Recep Tayyip Erdogan u l-isfidant ewlieni tal-Oppożizzjoni, Kemal Kilicdaroglu.
Dan ifisser li aktar minn 18-il-miljun vot iridu jingħaddu fis-sigħat li jmiss u wara li mal-64 miljun Tork kienu eliġibbli biex jivvutaw għall-Presidenza u l-kompożizzjoni tal-Parlament f’Ankara.
Il-President tat-Turkija, Erdogan, tkellem ftit tal-minuti ilu u qal li kwalunkwe pronostiku mgħaġġel u impreċiż waqt l-għadd tal-voti ‘għandu jmur kontra r-rieda tal-poplu’.
Dan meta skont l-Anadolu, Erdogan, bħalissa għandu 50.4 fil-mija tal-vot kontra t-48 fil-mija għal Kilicdaroglu — bl-aġenzija tal-aħbarijiet privata Anka qed tagħti kważi 49 fil-mija tal-vot lil Erdogan u xi 46 fil-mija lil Kilicdaroglu.
Dan meta d-distakk bejn l-isfidanti qed jiċkien fost l-istennija ansjuża għall-ewwel riżultati mill-ibliet ewlenin bl-akbar popolazzjoni.
//= $special ?>