Il-kantanta Loreen hija r-rebbieħa tas-67 edizzjoni tal-Eurovision Song Contest, hekk kif il-kanżunetta ‘Tattoo’ irnexxilha tirbaħ dan il-festival internazzjonali li sar fl-Ingilterra.
Il-kanzunetta ta’ Loreen akkwistat l-akbar ammont ta’ punti mill-membri tal-ġurija madwar 40 pajjiż hekk kif kisbet 340 punt, biex b’hekk għas-7 darba fl-istorja ta’ dan il-Festival rebħu l-Iżvezja – b’punti kumplessivi ta’ 583.
Il-Filandja bil-kanzunetta ‘Cha Cha Cha’ ġiet fit-tieni post b’526 u akkwistat l-akbar ammont ta’ punti mit-televoting – 376 filwaqt li l-Iżrael bil-kanzunetta ‘Unicorn’ ġiet fit-tielet post b’total ta’ 362 punt.
Din hija t-tieni darba fl-istorja ta’ dan il-festival li l-istess kantant irnexxilu jirbaħ il-Eurovision darbtejn. Dan hekk kif il-kantanta Loreen kienet irrapreżentat l-Iżveżja fl-2012 u rebħet il-Eurovision ta’ dik is-sena bil-kanżunetta ‘Euphoria’. Qabilha…il-kantant Irlandiż Johnny Logan rebaħ dan il-festival darbtejn, fis-snin 80.
Intant, dik tas-Sibt kienet serata spettakolari segwita minn miljuni madwar id-dinja. Fost il-mistiedna speċjali ħadu sehem il-grupp Kalush Orchestra, Sam Ryder kif ukoll eks parteċipanti f’edizzjoni imgħoddija tal-Eurovision fosthom Mahmood, Cornelia Jacobs, Duncan Laurence u Netta.
L-Istorja tal-Iżvezja fil-Eurovision
L-Iżvezja pparteċipat fil-Eurovision Song Contest 62 darba minn meta ddebuttat fl-1958, u minn dakinhar ma ħaditx sehem biss tliet darbiet; fl-1964, fl-1970 u fl-1976.
L-Iżvezja hija waħda mill-aktar pajjiżi li kisbu suċċess fil-Eurovision, b’total ta’ seba’ rebħiet. U permezz tal-prestazzjoni mill-aqwa ta’ Loreen irnexxilha tilħaq lill-Irlanda.
L-Iżvezja rebħet il-Eurovision bil-kanżunetta ‘Waterloo’ kantata mill-grupp ABBA fl-1974, Herreys bil-kanżunetta “Diggi-Loo Diggi-Ley“ fl-1984, Carola bil-kanżunetta “Non voglio mica la luna” fl-1991, Charlotte Nilsson bil-kanżunetta “take me to your heaven” fl-1999, Loreen fl-2012 bil-kanżunetta “Euphoria” u fl-2015 bil-kanżunetta “Heroes”.
//= $special ?>