Kritika dwar il-pjan diżastruż tat-toroq Maltin.
Kritika lejn il-bini esseġerat f’pajjiżna.
Kritika ma taqta’ xejn miċ-Chairperson Ezekuttiv tal-ERA, il-Perit Vince Cassar meta kien intervistat minn Andrew Azzopardi fuq 103FM fejn tkellmu dwar diversi kwistjonijiet li qed jaffetwaw lil pajjiżna.
Il-Perit Cassar qal kif in-nuqqas ta’ pjanar għat-toroq ta’ pajjiżna qed wassal għal traffiku kbir Fil-maġġoranza tas-sigħat tal-ġurnata, b’riżultat li qed jaffetwa l-ekonomija ta’ pajjiżna.
“Bdiet tinħoloq il-konġestjoni u m’aħnix nirrealizzaw it-traffiku x’qed jiswa’ lill-ekonomija ta’ pajjiżna,” qal Cassar.
Huwa qal li din il-problema għandha bżonn tiġi indirizzata llum qabel għada,
“Kulħadd igerger għax il-problemi qegħdin hemm,” qal Cassar. “Jekk tara l-bypass tal-Imrieħel, filli jkollok erba’ lanes, u f’daqqa waħda jispiċċa jkollok tnejn biss.”
Vince Cassar irrikonoxxa wkoll il-problema ta’ bini esseġerat li qed jieħu post il-ftit postijiet ħodor li baqalna f’pajjiżna.
“Jekk jiena nħares lejn il-benesseri tas-soċjetà ngħidlek li għandna overdevelopment għax maħnix nintegraw l-urbani mar-rurali u m’aħnix nagħtu l-ispazju ħodor fil-lokalitajiet tagħna,” qal Cassar. “Irid ikun hemm bilanċ bejn dak li nibnu u l-ambjent.”
Sadanittant, il-Gvern ta’ Robert Abela qed jagħżel li jibqa’ jdeffes rasu fir-ramel u jinjora lil dawk ta’ madwaru li qed jappellawlu biex illum qabel għada jieħu azzjoni dwar l-isfidi kollha li l-Maltin u l-Għawdxin qed jaffaċjaw ta’ kuljum.